Futsal: Luxol u Valletta lesti għal xulxin

Wednesday, March 9, 2016, 13:46

Gavin Muscat

Wara li ntlagħbet it-tnax-il ġurnata tal-Gatorade Futsal League, fil-quċċata Luxol issa għandhom ħames punti vantaġġ fuq Valletta, qabel ma’ ż-żewġ timijiet jilagħbu kontra xulxin.

Fil-fatt Luxol għelbu lil Hamrun Spartans bl-iskor ta’ 4-3 f’logħba ferm sabiħa u eċitanti. Kienu Luxol li fetħu vantaġġ ta’ żewġ gowls fl-ewwel minuti. L-ewwel kien awtogowl sfortunat ta’ Michel Melo Jose li ssikkat minn Barbosa tefa’ fix-xibka tiegħu stess, imbagħad kien Frane Despotovic li b’xutt qawwi rdoppja l-iskor. Hamrun, li kienu mingħajr l-aqwa skorer Raphinha reġgħu daħlu fil-partita permezz ta’ Melo Jose li wara azzjoni personali spara l-ballun għal 2-1 sabiex l-Arġentin Losada ġab l-iskor indaqs hekk kif xeħet f’lasta vojta. 2-2 u hekk intemmet l-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima, Luxol ħarġu aggressivi u skorjaw it-tielet gowl permezz ta’ Zvezdan Vukovic wara azzjoni ta’ ribawnd. B’Ħamrun joħorġu bil-flying keeper, Luxol irnexxielhom jagħmluhom erbgħa hekk kif Despotovic ra l-lasta vojta filwaqt li xeħet fix-xibka. L-Ispartans naqqsu l-marġni tal-iskor żewġ sekondi minn tmiem permezz ta’ Rodrigo.

Min-naħa l-oħra Valletta rreġistraw rebħa kbira ta’ 22-2 kontra Qrendi. Għal Valletta ddebutta għalihom il-plejer Sloven Dejan Bizjak li skurja ħames gowls, kif għamel ukoll Dylan Musu. Il-Beltin skurjaw aktar gowls b’poker ta’ Denis Di Maio, doppjetti għal Xavier Saliba, Jovica Milijic u Mohammed Elamari, flimkien mal-gowls ta’ Jurgen Pace u Josef Borg. Għal Qrendi skurjaw Clayton Borg u Jonathan Xerri.

Lija komplew bis-serje pożittiva tagħhom wara li għelbu lill-Imsida 8-2. Huma sabu x-xibka permezz ta’ doppjetti ta’ Ebrahim Massoudi u Endrit Kaca, filwaqt li Redeemer Borg, Nicki del Re, Gary Inguanez u Kurt Bartolo żiedu aktar gowls għal Lija. Għall-Imsida naqqsu l-iskor Clayton Farrugia u Ryan Xuereb.

F’riżultati oħra, Swieqi aċċertaw post matematiku fl-Elite Group wara dro eċitanti ta’ 4-4 kontra Sliema. Min-naħa l-oħra Mdina reġgħu rritornaw għar-rebħ b’rebħa minima ta’ 2-1 fuq Marsascala. Sirens għelbu lil Gozo 3-1.

Fil-klassifika, Luxol għandhom 36 punt, segwiti minn Valletta li laħqu lil Ħamrun b’31 punt. Lija għandhom 30 punt, Swieqi b’22 punt, Msida b’19-il punt, Sliema u Sirens b’16-il punt, Żebbuġ bi 15-il punt u Mqabba b’10 punti. Fin-naħa t’isfel, Marsascala għandhom seba’ punti, Qrendi sitt punti u Gozo FC mingħajr l-ebda punt.

———————————————————————————————————————————————————-

Gallery





Leave a comment