- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Futsal: Luxol u Valletta jibqgħu jimpressjonaw fil-kampjonat

Posted By Sportinmalta On March 12, 2016 @ 6:39 pm In Featured,Futsal,Other | No Comments

Gavin Muscat

Hekk kif kompla l-kampjonat tal-futsal lokali, il-leaders tal-Gatorade Elite Round, Luxol komplew bit-triq tar-rebħ meta ddominaw u għelbu lil Swieqi United bl-iskor ta’ 7-2.

Tliet awtogowls ta’ Marev, Mangion u Gatt taw vantaġġ ta’ tliet gowls għat-tim minn St Andrews sabiex qabel tmiem l-ewwel taqsima, xutt bomba ta’ Frane Despotovic għeleb lil Karl Balzan bejn il-lasti ta’ Swieqi sabiex l-ewwel taqsima għalqet 4-0.

Fit-tieni taqsima, l-affarijiet ftit inbidlu hekk kif Luxol komplew jamministraw il-logħba u komplew jiskorjaw permezz ta’ Carlo Scicluna. Jean Bert Gatt reġa daħħal lil Swieqi fil-partita iżda Clint Cope reġa skorja għal Luxol. Wara li Boicho Marev reġa naqqas l-iskor għal Swieqi, Zvezdan Vukovic issiġġilla r-rebħa għal Luxol.

—————————————————

Fil-partita prinċipali kellna lil Valletta jegħlbu lil Lija Athletic 7-4. Kienet wirja brillanti għat-tim ta’ Clayton Felice illi kellu lil Jovica Milijic f’forma perfetta hekk kif skorja erba’ gowls. Is-Sloven Dejan Bizjak skorja tnejn filwaqt li Cristian Cuadros Silva żied ieħor. Minkejja t-telfa, Lija taw qalbhom f’din il-partita u sabu x-xibka permezz ta’ doppjetti ta’ Javi Montes Burgos u Nicola Del Re.

Wirja mill-aqwa tat-trio Brażiljan, Raphinha, Melo u Madson Caetano xprunat lil Hamrun Spartans fir-rebħa kbira ta’ 9-5 li kellhom kontra Msida. Raphinha biss skorja 4 gowls u kompla jikkonferma postu fil-quċċata tat-top scorers tal-Kampjonat. Msida naqqsu d-distakk permezz ta’ doppjetta ta’ Armando Gjepali, Mendes da Silva, Clayton Farrugia u Cristopher Navarro.

Fil-klassifika tal-Elite naraw lil Luxol li għandhom 42, segwiti minn Valletta b’40, Hamrun 37, Lija 31, Swieqi 23 u Msida 22.

—————————————————

Sadanittant mill-Ewwel Diviżjoni kellna rebħa tajba ta’ Sirens fuq Mdina 5-1. Għal Sirens kellna tripletta ta’ Ryan Gilmour Cassar u doppjetta ta’ George Chitcop. L-uniku gowl ta’ Mdina Knights ġie skurjat minn Dalziel Bugeja.

Sliema għelbu lil Mqabba 11-5, b’erba’ gowls ta’ Josh Parry, tripletta ta’ Aleksander Ribic, doppjetta ta’ Darren Agius u gowls ta’ Mark Camilleri, Alan Galea u Adam Wingfield. Mqabba naqsu l-iskor b’doppjetta ta’ Miguel Alcaraz u gowls ta’ Kevin Loughborough, Thomas Consoli u Ryan Mifsud.

—————————————————

F’partita mill-isbaħ, Żebbuġ Rangers fallew milli jitilgħu fil-quċċata tal-klassifika meta tilfu 4-3 kontra Marsascala. L-Ispanjol Inigo Dolara skurja tliet darbiet għal Zebbug Rangers. Minn naħa l-oħra Marsascala ħarġu rebbieħa b’gowls ta’ Franklin Abela, Reuben Degabriele, Angelo Dimech u Nicholas Abdilla.

—————————————————

Finalment Qrendi għelbu lil Gozo bl-iskor ta’ 8-2. Għal Qrendi kellna tripletta ta’ Antonello Brincat, doppjetta ta’ Craig Pickard, gowls ta’ Ronald Spina u Clayton Borg u awtogowl. Il-gowls ta’ Gozo FC waslu mingħand Warren Zerafa.

Fil-klassifika tal-Ewwel Diviżjoni, taqtigħa bejn Sirens li għandhom 23 punt, Sliema bi 22 punt u Zebbug li għandhom 21 punt. Mqabba jibqgħu b’14-il punt, filwaqt li Qrendi u Marsascala jitilgħu flimkien b’10 punti. Fin-naħa t’isfel Mdina Knights għandhom 9 punti u Gozo FC b’punt wieħed biss.

———————————————————————————————————————————————————-

Gallery

Mument waqt il-logħba bejn Valletta u Lija Athletic

Mument waqt il-partita bejn Luxol u Swieqi


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/futsal-luxol-u-valletta-jibqghu-jimpressjonaw-fil-kampjonat/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.