- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Futsal: Luxol u Hamrun Spartans fil-finali tan-Knock Out

Posted By Sportinmalta On June 3, 2016 @ 11:27 am In Featured,Futsal,Other | No Comments

Gavin Muscat

Ħamrun Spartans kellhom jitħabtu mhux ftit biex aċċertaw posthom għall-finali tan-Knock Out. F’logħba ferm bilanċjata l-Ispartans ħarġu rebbieħa meta għelbu lil Lija Athletic bl-iskor ta’ 4-2.

Din is-semifinali, li ntlagħbet ukoll bil-bibien magħluqa, kellha ritmi għoljin ħafna u ż-żewġ timijiet urew qalb kbira tul l-40 minuta sħaħ.

Minkejja li l-Ħamruniżi kienu ġejjin mid-disfatta li tilfu l-kampjonat nhar L-Erbgħa li għadda kontra Valletta, il-kowċ Paul Rapa rnexxielu jimmotiva lill-plejers tiegħu. Min-naħa l-oħra Lija Athletic kienu determinati u laqtu l-lasta erba’ darbiet fit-tieni taqsima.

Wara li għaddiet l-ewwel minuta ta’ logħob, Rodrigo Ticz Particio fetaħ l-iskor bl-għajnuna ta’ devjazzjoni minn plejer ta’ Lija Athletic. Javier Montes Burgos u Chris Cardona kellhom diversi ċansijiet li bihom Lija setgħu ġabu d-dro, imma l-Ispartans kienu attenti għalihom.

Fis-seba’ minuta kien Robert Fenech li rdoppja l-iskor għal Ħamrun Spartans, wara li rċieva ballun perfett mingħand Madson Caetano de Abreu. Lija Athletic qamu għall-okkażjoni u minn kontratttakk veloċi, Chris Cardona naqas l-iskor għal 2-1.
Fl-aħħar minuta tal-ewwel taqsima, Rodrigo Ticz Patricio għalaq it-tripletta personali wara li rċieva mingħand Juan Losada Teruel u għamilhom 3-1.

Fit-tieni taqsima t-tim ta’ Lija Athletic kompla jżid fl-isforzi tiegħu sabiex jitfa’ aktar pressjoni lit-tim Ħamruniż. Fil-fatt fit-23 minuta, Kurt Bartolo spara xutt qawwi minbarra l-ark tal-penalty area u laqat il-lasta. Ftit wara reġa’ kien Bartolo li mill-viċin ġie mċaħħad mill-gowlkiper Ħamruniż Kevin Cassar. Cassar wettaq diversi salvataġġi u ra wkoll ix-xuttijiet ta’ Nicola Del Re u Chris Cardona jaħbtu mal-lasta. Lija baqgħu jemmnu fihom infushom u naqsu l-iskor b’xutt ferm b’saħħtu ta’ Jason Gauci.

Fl-aħħar ħinijiet il-logħba sbieħet ħafna u Lija dehru li kienu se jkunu qrib li jġibu l-gowl tad-dro. Madankollu fl-aħħar nofs minuta logħob, Michael Spiteri għalaq dan il-kapitlu meta tefa’ l-ballun fix-xibka u għamel l-iskor finali 4-2.

Fil-finali Ħamrun Spartans se jiltaqgħu mat-tim ta’ Luxol, li min-naħa tagħhom għaddew faċilment għall-finali meta Mqabba għażlu li jirtiraw minn din il-kompetizzjoni. Dan wara li d-diriġenti Mqabbin ħassewhom urtati li ġew infurmati f’qasir żmien biex jilagħbu din is-semifnali.

Il-finali tan-Knock Out bejn Luxol u Ħamrun Spartans mistennija tintlagħab bejn it-Tnejn 30 ta’ Mejju u t-Tlieta l-1 ta’ Ġunju. Aktar dettalji jingħataw wara li jiltaqgħu l-partijiet kollha konċernati.

 


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/futsal-luxol-u-hamrun-spartans-fil-finali-tan-knock-out/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.