- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Futsal: Luxol jitilgħu fil-quċċata

Posted By Sportinmalta On January 16, 2014 @ 12:42 pm In Featured,Futsal | No Comments

Bir-rebħa li Luxol ħadu meta għelbu lil Luqa bl-iskor ta’ 8-0, telgħu fil-quċċata tal-klassifika tal-Kampjonat Premier, flimkien ma’ Hibernians b’24 punt.

Minkejja li Luxol malajr marru fil-vantaġġ permezz ta’ Ibrahim Tarek u Karl Saliba, Luqa ddefendew tajjeb matul l-ewwel taqsima u l-iskor baqa’ 2-0.

Fit-tieni taqsima Luxol baqgħu aggressivi u skurjaw sitt gowls oħra permezz ta’ gowl ieħor mingħand Ibrahim Tarek, tliet gowls oħra ta’ Karl Saliba u gowl kull wieħed mingħand Florin Anton u Noel Bray.

Mill-Ewwel Diviżjoni Mqabba ħadu l-ewwel rebħa tal-istaġun meta għelbu lil Sirens bl-iskor ta’ 5-3.

Dan kien riżultat li niżel tajjeb mat-tim imexxi mill-kowċ Kenneth Fiteni.

Kienu Sirens li marru fil-vantaġġ b’doppjetta ta’ Robert Darmanin u gowl ta’ George Chircop.

Qabel tmiem l-ewwel taqsima Steve Pace ta’ Mqabba naqqas id-distakk.

Fit-tieni taqsima Mqabba ħadu r-rigni f’idejhom u dawru telfa f’rebħa b’doppjetta ta’ Joseph Darmanin u gowl kull wieħed ta’ Steve Falzon u Andre Ciancio.

Fgura komplew il-mixja pożittiva tagħhom fil-kampjonat, meta għelbu lil Santa Lucia bl-iskor ta’ 5-2.

Għal Fgura, tliet gowls fl-ewwel taqsima permezz ta’ Noel Portelli, Kirston Muscat u Tano Magro.

Santa Lucia daħlu aktar fil-logħba fit-tieni taqsima b’żewġ gowls ta’ Karl Grech.

Fgura ssiġillaw ir-rebħa tagħhom b’żewġ gowls oħra mingħand Jason Gauci u Kirston Muscat.

B’din ir-rebħa Fgura telgħu fil-ħames post tal-klassifika.

 


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/futsal-luxol-jitilghu-fil-quccata/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.