Futsal: Luxol jagħtu l-ewwel rebħa lil Valletta fil-finali

Monday, May 29, 2017, 10:35

Luxol taw l-ewwel rebħa liċ-ċampjins renjati Valletta fl-ewwel partita tal-finali tal-Playoffs tal-Elite. Iż-żewġ timijiet ħolqu atmosfera spettakolari bi bnadar, bżieżaq u l-baned li ma waqqfu xejn tul il-logħba kollha. Żewġ timijiet li reġa’ kellhom staġun mill-aqwa u taw logħba kbira bħal f’kull konfront li jkollhom bejniethom. Qabel il-bidu tal-logħba kellna emozzjonijiet imħallta b’solidarjetà, hekk kif il-captain ta’ Luxol Mark Zammit ta bukkett fjuri u għannaq lil captain ta’ Valletta Xavier Saliba. Inżammet ukoll minuta silenzju b’rispett lejn l-istess Xavier Saliba li tilef lill-missieru proprju dakinhar tal-finali. Wara dan kollu u wara li ttieħdu r-ritratti tal-okkażjoni, r-referi Franco Cachia saffar il-bidu għall-konfront mill-aktar akkanit u spettakolari.

Iż-żewġ timijiet issieltu mhux ftit u t-tnejn li huma riedu r-rebħa. Għaldaqstant wara biss tliet minuti logħob, Gian Carlo Sammut fetaħ l-iskor għat-tim minn St. Andrews. Aktar tard fl-ewwel taqsima l-Beltin gabu d-dro b’awtogowl ta’ Frane Despotovic u hekk intemmet l-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima Luxol ħarġu aktar determinati u dawru r-riżultat għal kollox favurihom hekk kif il-plejer kowċ Frane Despotovic reġa poġġiehom fil-vantaġġ. Ftit tas-sekondi wara, gowl sabiħ ta’ Andy Mangion kompla jkabbar il-vantaġġ għat-tim ta’ Luxol. Il-Beltin bdew iżidu fl-attakki tagħhom tant li Xavier Saliba beda jidħol diversi drabi bħala flying keeper. Minkejja dawn it-tentattivi, Luxol reġgħu skurjaw permezz ta’ Dejan Bizjak. Lejn l-aħħar minuti tal-partita, Mark Zammit skurja l-ħames gowl għal Luxol u Raphael Felipe Ortiz de Oliveira naqqas l-iskor finali għal 5-2.

Iż-żewġ timijiet jerġgħu jiltaqgħu nhar il-Ġimgħa li ġej fit-tmienja ta’ filgħaxija, fil-padiljun sportiv ta’ Kordin. Jekk Luxol jerġgħu joħorġu rebbieħa, ikunu huma inkurunati bħala ċ-ċampjins tal-istaġun. Min-naħa l-oħra jekk Valletta jirbħu l-logħba li jmiss, kollox ikun irid jiġi deċiż fit-tielet u l-aħħar finali li tintlagħab nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Ġunju.

Mill-ewwel diviżjoni, Msida SJ reġgħu ħarġu rebbieħa, din id-darba meta għelbu lil Marsascala Construct Furniture bl-iskor ta’ 11-2. George Frendo u Chris Cardona skurjaw tliet darbiet, Mohammed Lamari u Chris Cutajar skurjaw darbtejn, filwaqt li Herbert Spiteri ssiġġila din ir-rebħa. Il-gowls ta’ konsolazzjoni għal Marsascala Construct Furniture ġew skurjati minn Franklin Abela.

Mriehel ESS irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Tarxien JMI bl-iskor ta’ 9-2. B’din ir-rebħa huma kkonsolidaw it-tielet post li jfisser playoffs. Mriehel ESS kienu diġa 3-1 minn fuq qabel tmiem l-ewwel taqsima. Il-gowls ta’ Mriehel ESS ġew b’doppjetti ta’ Ayoub Ahmed, Eslam Khalifa u Fabio Grech, flimkien mal-gowls ta’ Mark Anthony Galea, Kenneth Bonanno Kamal Edgeli. Joseph Meilak u Hamza Afifi skurjaw għal Tarxien JMI.

Qormi kisbu rebħa oħra importanti meta għelbu lil Safi San Lorenzo bl-iskor ta’ 2-0. Il-gowls Qriema waslu mingħand James Tabone u Adrian Fenech. B’din ir-rebħa Qormi jkomplu jaċċertaw posthom fil-playoffs tal-Ewwel Diviżjoni.

Sliema Wanderers komplew bil-kbir meta ġabu fix-xejn lil Zurrieq Wolves bl-iskor ta’ 11-0. Il-protagonist prinċipali f’din ir-rebħa Slimiża reġa’ kien Aleksander Ribic li skurja ħames gowls. Jurgen Mifsud u Nikolay Filipov kellhom doppjetta kull wieħed, filwaqt li Paul Bugeja u saħansitra l-gowlkiper Brandon skurjaw għal Sliema.

It-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi ħareġ rebbieħ fuq it-tim ta’ Qrendi bl-iskor ta’ 4-2. Kienu Qrendi li fetħu l-iskor permezz ta’ Antonello Brincat. Għaldaqstant iż-żgħażagħ immexxija mill-kowċ Kenneth Fiteni, wettqu reazzjoni tajba ħafna u skurjaw l-erba’ gowls permezz ta’ Timothy Gingell, Dylan Pace, Karl Sciortino u Jurgen Ciantar. Antonello Brincat skurja wkoll it-tieni gowl ta’ Qrendi.

Klassifika tal-Ewwel Diviżjoni

Sliema Wanderers …………………48

Msida SJ …………………………….43

Mriehel ESS ………………………..36

Qormi ……………………………….31

Safi San Lorenzo ………………….27

Qrendi ………………………………22

Swieqi U21 ………………………..15

Tarxien JMI ………………………..15

Marsascala Construct Furniture ..12

Zurrieq Wolves ……………………4

 

Pictures from Joe Borg





Leave a comment