- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Futsal: Lesti għall-konfront dirett fil-quċċata

Posted By Sportinmalta On February 21, 2016 @ 5:26 pm In Featured,Futsal,Other | No Comments

Gavin Muscat

Mill-kampjonat tal-futsal lokali, it-timijiet il-kbar bħal Luxol, Valletta, Hamrun u Lija jkomplu għaddejin bil-mixja pożittiva tagħhom, hekk kif qed noqorbu lejn tmiem l-ewwel rawnd

Lija Athletic kisbu rebħa importanti oħra meta għelbu lill-Imdina Knights bl-iskor ta’ 13-1. Bidu tajjeb għan-Knights b’Leo Muscat u John Micallef li kienu f’forma tajba ħafna. Għaldaqstant wirja oħra brillanti tal-plejer Albaniż Endrit Kaca li skurja sitt gowls għal Lija Athletic. L-ewwel taqsima ntemmet b’vantaġġ ta’ seba’ gowls favur Lija.

Fit-tieni taqsima Lija komplew jiddominaw b’aktar gowls li waslu mingħand Gary Inguanez, Redeemer Borg, Nikolay Filipov, Andre Henrique De Souza, Chris Cardona u doppjetta ta’ Nicola Delre. Mdina naqsu d-distakk permezz ta’ Neil Cauchi. Għal Lija din kienet it-tmien rebħa konsekuttiva, filwaqt li Mdina Knights ilhom ma jirbħu dawn l-aħħar disa’ logħbiet.

———————————————————————————————————————————————————-

Fit-tieni logħba li kellna l-Ġimgħa filgħaxija, Hamrun Spartans jibqgħu jħabbtu bieb Luxol li qegħdin fil-quċċata, qabel il-konfront dirett kontrihom nhar it-Tlieta li ġej. Konfront bilanċjat u interessanti bl-Ispartans joħorġu rebbieħa fuq Swieqi bl-iskor ta’ 9-3. Il-Ħamruniżi fetħu l-iskor permezz ta’ Michel Melo Jose wara biss erba’ minuti logħob. Boicho Marev ġab id-dro għal Swieqi  u immedjatament Joan Manuel Losada Teruel reġa poġġa lill-Ispartans fil-vantaġġ. Qabel tmiem l-ewwel taqsima Swieqi reġgħu ġabu d-dro permezz ta’ Diego Gomes de Mello.

Fit-tieni taqsima l-Ispartans kienu aktar organizzati u sabu x-xibka permezz ta’ tliet gowls oħra ta’ Michel Melo Jose, doppjetta tad-debuttant Madson Caetano de Abreu u gowls ta’ George Frendo u Jason Mifsud. Swieqi naqsu d-distakk u skurjaw it-tielet gowl tagħhom għal darb’oħra permezz ta’ Boicho Marev.

———————————————————————————————————————————————————-

F’aktar logħbiet, rajna r-rebħa t-tajba ta’ Żebbuġ Rangers fuq Sirens bl-iskor ta’ 5-3.

———————————————————————————————————————————————————-

Mqabba akkwistaw dro meritat ta’ 2-2 kontra Marsascala li kienu b’żewġ gowls minn fuq.

———————————————————————————————————————————————————-

Valletta kellhom l-ikbar riżultat għalihom f’dan l-istaġun meta għelbu lil Gozo FC bl-iskor ta’ 18-0.

———————————————————————————————————————————————————-

Rimonta straordinarja ta’ Msida kontra Sliema bl-iskor ta’ 7-4.

———————————————————————————————————————————————————-

Luxol baqgħu b’rekord perfett meta għelbu maġistralment lil Qrendi bl-iskor ta’ 13-0

———————————————————————————————————————————————————-

Fil-klassifika tal-Gatorade Futsal League, Luxol jibqgħu waħedhom fil-quċċata b’33 punt, segwiti minn Ħamrun Spartans b’31 punt. Valletta fit-tielet post bi 28 punt u Lija b’punt biss warajhom meta għandhom 27 punt. Swieqi għandhom 21 punt, segwiti minn Msida b’19-il punt, Sliema u Zebbug Rangers bi 15-il punt, Sirens għandhom 13-il punt, filwaqt li Mqabba u Marsascala għandhom seba’ punti. Fin-naħa t’isfel Qrendi u Mdina baqgħu b’sitt punti u Gozo FC jibqgħu bla punti.

———————————————————————————————————————————————————-

Gallery

Ħamrun vs Swieqi

———————————————————————————————————————————————————-

 


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/futsal-lesti-ghall-konfront-dirett-fil-quccata/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.