Futsal: L-Universitarji jirbħu derby akkanit kontra Msida SJ

Sunday, February 5, 2017, 21:54

Gavin Muscat

Wara l-waqfa minħabba l-impenji tat-tim nazzjonali Malti, reġa’ kompla l-kampjonat tal-futsal lokali fejn spikkat fost l-oħrajn ir-rebħa ta’ 6-5 tat-tim tal-Università kontra  Msida SJ. Nistgħu nsejħulu derby kkulurit li żamm lil dawk kollha preżenti fil-padiljun sportiv ta’ Kordin fuq ix-xwiek. Għal darb’oħra l-istudenti universitarji kienu numerużi sabiex isegwu lil sħabhom, li ħarġu ferħanin b’din ir-raba’ rebħa konsekuttiva. Min-naħa l-oħra Msida SJ, minkejja li saħħew l-iskwadra matul ix-xahar ta’ Jannar, b’din it-telfa tilfu l-ħames post tal-klassifika.

L-Universitarji kienu l-ħin kollu fil-partita u żammew pass tajjeb mat-tim Misidjan. Kienet logħba ferm bilanċjata li rat lil Djordje Maksimovic għat-tim tal-Università u lil George Frendo għal Msida SJ, bħala l-protagonisti prinċipali. Fil-fatt Maksimovic kien l-awtur ta’ doppjetta flimkien mad-doppjetta ta’ Leo Muscat, bit-tieni gowl tiegħu li wasal fl-aħħar ħinijiet minn assist tal-istess Maksimovic. Andrea Farrugia u Rodney Debono skurjaw gowl kull wieħed ukoll għall-Universitarji. Il-gowls ta’ Msida SJ, sad-dro momentarju ta’ 5-5, ġew minn doppjetti ta’ George Frendo u Liam Cachia flimkien mal-gowl ta’ Armando Djepali.

Intant iċ-ċampjins Valletta għelbu lil Mriehel ESS bl-iskor ta’ 10-4. Għal Valletta reġa’ spikka l-Brażiljan Raphael Felipe Ortiz De Oliveira li skurja erba’ gowls bħalma għamel Denis Di Maio. Xavier Saliba u Dylan Musu skurjaw ukoll għal Valletta. Mriehel ESS naqsu l-iskor permezz ta’ Kamal Edgeli, Wisam El Zaradei u doppjetta ta’ Faisal Alnakua.

Matul din il-ġimgħa wkoll, Swieqi għelbu lil Zurrieq Wolves bl-iskor ta’ 13-0. Min-naħa l-oħra Sliema għelbu lit-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi bl-iskor ta’ 12-4. Safi San Lorenzo għelbu lil Tarxien JMI bl-iskor ta’ 2-1, filwaqt li Luxol għelbu lil Qormi bl-iskor qawwi ta’ 22-1. Fl-aħħarnett Hamrun Tre Angeli għelbu lil Marsascala Construct Furniture bl-iskor ta’ 13-1.

————————————————————————————————————————————————————-

Klassifika: Luxol 24;

Valletta FC 21;

Swieqi FC 18;

Hamrun Tre Angeli 15;

UOM 15;

Msida SJ 12;

Safi San Lorenzo 12;

Qormi 12;

Sliema 10;

Qrendi 9;

Mriehel ESS 7;

Marsascala Construct Furniture 6;

Tarxien JMI 0;

Swieqi U21 0;

Zurrieq Wolves 0





Leave a comment