- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Futsal: Jibqgħu tlieta til-quċċata

Posted By Sportinmalta On December 23, 2015 @ 11:22 am In Featured,Futsal,Other | No Comments

Gavin Muscat

Hekk kif intlagħbet ir-raba’ ġurnata tal-Gatorade Futsal League, ċertament li l-partita prinċipali kienet dik bejn Valletta u Msida logħba mirbuħa mill-Beltin bl-iskor ta’ 9-3.

Logħba li laħqet il-qofol tagħha fl-ewwel taqsima bil-Beltin ikollhom l-aktar pussess u jiskorjaw fil-mumenti deċiżivi tal-partita.

Għaddew tliet minuti u Valletta fil-vantaġġ b’xutt fil-baxx ta’ Jovica Milijic.

Reazzjoni immedjata ta’ Msida li ġabu d-dro minn Armando Gjepali wara li rebaħ ballun tajjeb.

Il-gowls baqgħu ġejjin hekk kif Valletta reġgħu marru fil-vantaġġ minn Denis di Maio li wara li waqqaf b’sidru tefa’ wara Cassar.

Valletta skorjaw it-tielet gowl fis-6 minuta bi free shot ta’ Musu li ssorprenda lil gowlkiper tal-Imsida.

Żewġ minuti wara Manea reġa’ naqqas il-marġni tal-iskor għall-Misidjani.

Madankollu Musu reġa żamm il-vantaġġ għal Beltin għal 4-2 wara xutt mix-xellug.

Fil-11-il minuta Mohammed Elamari jiskorja l-ħames gowl, bl-istess plejer Belti jagħti ballun tad-deheb lil Milijic li f’lasta vojta għamilhom 6-2 u hekk spiċċat l-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima, il-logħba baqgħet bl-istess ritmu hekk kif fit-28 minuta, Msida sabu x-xibka għal darb’oħra permezz ta’ Manea wara pass ta’ Mendes da Silva.

Madankollu l-Beltin ftit tilfu l-konċentrazzjoni hekk kif irnexxielhom jiskorjaw tlieta oħra min-naħa ta’ Elamari, Di Maio u Jurgen Pace wara xi żbalji difensivi sabiex issiġġillaw ir-rebħa Beltija.

Luxol ma kellhom l-ebda diffikulta’ sabiex jegħlbu lil Mqabba 9-2.

It-trio Despotovic, Zammit u Barbosa skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Vukovic, Cope u Bonello żiedu aktar gowls għaċ-champions attwali.

Dimech u Psaila naqqsu l-marġni għall-Imqabba.

F’logħbiet oħra jispikkaw ir-rebħiet kbar ta’ Ħamrun fuq Gozo 12-1 u Lija fuq Marsascala bl-iskor ta’ 14-2.

Sirens, Swieqi u Żebbuġ kisbu rebħiet kontra Mdina Knights 5-3, Qrendi 7-3 u Sliema 5-4 rispettivament.

Ħarsa lejn il-klassifika nibqgħu naraw lil Ħamrun, Luxol u Valletta fl-ewwel post b’punti massimi ta’ 12-il punt. Min-naħa l-oħra, Mdina Knights, Żebbuġ Rangers u Sirens għandhom sitt punti. Filwaqt li Marsascala, Gozo u Qrendi għadhom ifittxu l-ewwel punti għal dan l-istaġun.

Valletta vs Msida


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/futsal-jibqghu-tlieta-til-quccata/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.