Futsal: Hamrun Spartans waħedhom fit-tieni post u jaħsdu l-Balzan

Tuesday, January 27, 2015, 19:40

Hamrun Spartans vs Balzan 7-2

Hamrun Spartans jissuddaw posthom fit-tieni post tal-kampjonat premier tal-futsal, hekk kif għelbu lil Balzan bl-iskor ta’ 7-2.

Balzan mhux biss kellhom isofru t-tieni telfa konsekuttiva, imma kellhom ukoll jitilfu lil Mark Zammit li weġġa’ serjament waqt l-istess logħba kontra Hamrun.

Ta’ min ifaħħar l-intervent mediku tal-gowlkiper Matthew Mifsud u l-plejer Cedric Sciberras, li kienu qed isegwu din il-logħba wara l-impenn li kellhom ma’ Valletta kontra Swieqi.

L-iSpartans ħadu l-kontroll assolut fl-aħħar parti tat-tieni taqsima, bid-debutt tal-plejer Brażiljan Raphael Felipe Ortiz de Oliveira, magħruf bħala Rafinha.

Rafinha qabel tajjeb ferm mal-kompatrijott Rogerio dos Santos Filho li flimkien kienu ta’ theddida kontinwa għad-difiża Balzaniża.

Il-gowls Ħamruniżi waslu minn tripletta ta’ Rafinha, doppjetta ta’ Chris Cardona u gowl kull wieħed għal Mohammed Elamari u Rogerio dos Santos Filho.

Iż-żewġ gowls ta’ Balzan waslu minn Marco Conti u Glenn Bonello.

Valletta vs Swieqi 8-6

Valletta ħadu tliet punti importanti kontra Swieqi sabiex ġew magħhom f’nofs il-klassifika.

Iż-żewġ timijiet se jkunu qegħdin jitħabtu biex jiksbu r-raba’ post u jidħlu għall-play-offs.

Għal Valletta tripletta ta’ Xavier Saliba, doppjetta ta’ Melvin Borg u gowls ta’ Bryan Deguara, Denis di Maio u d-debuttant Shawn Vella għamlu l-iskor finali ta’ 8-6.

Għal Swieqi kellna tliet doppjetti ta’ Velibor Milicic, Fredrik Johansson u Paul Hyzler.

Qormi vs Zebbug Rangers 12-6

Endrit Kaca kien il-protagonist prinċipali fir-rebħa li Qormi kellhom fuq il-ġirien tagħhom Zebbug Rangers bl-iskor ta’ 12-6.

Kaca skurja xejn anqas minn sitt gowls, flimkien ma’ doppjetti ta’ Allen Medati, Dario Zampa u Basil Onuta.

Zebbug ippruvaw iwettqu reazzjoni b’doppjetta ta’ Jamie Portelli u gowls ta’ Jason Mifsud, Ricky Zammit, Bernard Bonnici u Gorg Borg.

Mosta vs Gzira United 4-3

Rimonta tajba għall-Mosta li għelbu lil Gzira United bl-iskor ta’ 4-3.

Gzira marru fil-vantaġġ permezz ta’ Luke Stivala u baqgħu jgawdu dan il-vantaġġ tul l-ewwel taqsima.

Fil-bidu tat-tieni taqsima Ryan Buhagiar skurja l-gowl tad-dro għall-Mostin.

Mosta komplew ikabbru l-iskor permezz ta’ Diego Gomes de Mello, Armando Gjepali u Gabor Balan.

Gzira naqsu d-distakk permezz ta’ doppjetta ta’ Alessio Restuccia.





Leave a comment