Futsal: Ħamrun fit-tieni post wara rebħa konvinċenti

Friday, March 18, 2016, 21:59

Gavin Muscat

Matul din il-ġimgħa ntlagħab rawnd ieħor ta’ logħob mill-Gatorade Futsal Elite Round b’żewġ logħbiet ferm mistennija fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin.

Fil-partita prinċipali, kellna lil Ħamrun Spartans jegħlbu lil Valletta bl-iskor ta’ 7-2 sabiex laħquhom fit-tieni post tal-klassifika.

Ħamrun marru fil-vantaġġ wara erba’ minuti logħob permezz ta’ Andy Mangion.

Valletta ma damux ma ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Mohammed Elamari wara xogħol tajjeb ta’ Daniel Brincat.

Il-Beltin ftit damu jiċċelebraw dan il-gowl minħabba li l-Ispartans skorjaw it-tieni gowl tagħhom.

Kien foul barra l-ark difiż minn Valletta, il-ballun wasal għand Raphinha illi b’xutt tajjeb tefa’ fix-xibka.  

Il-Ħamruniżi għamluhom tlieta ftit tal-minuti wara meta wieħed mill-aħjar plejers tal-partita, Raphinha qassam tajjeb lejn il-kompatrijott tiegħu Rodrigo li xeħet fix-xibka.

Valletta ma qatgħux qalbhom u naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Dylan Musu.

Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Jason Mifsud għamilhom erbgħa għall-Ħamrun wara pass tajjeb ta’ Raphinha.

Fit-tieni taqsima, Ħamrun irnexxielhom jiskorjaw tliet gowls oħra sabiex aċċertaw mir-rebħa finali permezz ta’ Andy Mangion, Michel Melo Jose u Rodrigo.

—————————————

Min-naħa tagħhom, Luxol,  il-liders tal-Kampjonat, għelbu ostaklu ieħor meta rebħu lil Lija Athletic bl-iskor ta’ 5-3.

Luxol irnexxielhom jiftħu vantaġġ ta’ tliet gowls permezz ta’ doppjetta ta’ Carl Azzopardi u gowl ieħor ta’ Clint Cope.

Lija naqqsu d-distakk minn Endrit Kaca għalkemm Celino Alves żied ieħor għat-tim minn St Andrews.

Hawnhekk bdiet iżżid iktar il-pressjoni ta’ Lija li lagħbu bil-flying keeper u rnexxielhom jiskorjaw darbtejn oħra permezz ta’ Javier Montes Burgos u Kurt Bartolo.

Lija bdew jagħfsu għall-gowl tad-dro però minn kontrattakk veloċi kienu Luxol li ssiġġillaw ir-rebħa b’gowl ta’ Glenn Bonello.

Fil-klassifika naraw lil Luxol fl-ewwel post b’45 segwiti mill-koppja Ħamrun Spartans-Valletta b’41, Lija jibqgħu fir-raba’ post b’31 filwaqt li Swieqi għandhom 23 u Msida 22.

—————————————

Sadanittant mill-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni, kellna dwell interessanti bejn l-ewwel żewġ timijiet fil-klassifika, bi Sliema Wanderers jibqgħu jżommu l-quċċata wara rebħa kontra Sirens bl-iskor ta’ 7-2 b’Aleksandar Ribic jiskorja doppjetta.

—————————————

Zebbug Rangers reġgħu rritornaw għar-rebħ wara li għelbu lil Qrendi 8-4 filwaqt li Mdina sabu ftit tad-diffikulta’ sabiex rebħu lil Marsaskala 3-2.

—————————————

Finalment Mqabba baqgħu jżommu t-tamiet tagħhom għal post fil-play-offs, b’rebħa tajba ta’ 8-2 fuq Gozo.

-Klassifika Gatorade Elite Round:

Luxol 45, Ħamrun, Valletta 41, Lija 31, Swieqi 23, Msida 22

-Klassifika Gatorade L-Ewwel Diviżjoni:

Sliema 25, Zebbug 24, Sirens 23, Mqabba 17, Mdina 12, Qrendi, Marsaskala 10, Gozo 1

———————————————————————————————————————————————————-

Gallery

———————————————————————————————————————————————————-

———————————————————————————————————————————————————-





Leave a comment