Futsal: Gowl fl-aħħar sekonda jikkundanna lil Luxol

Sunday, April 3, 2016, 22:39

Gavin Muscat

Gowl fl-aħħar sekonda tal-Brażiljan Rodrigo ta rebħa ferm siewja għal Ħamrun Spartans meta fil-partita prinċipali tal-Gatorade Elite Round, huma għelbu lil Luxol bl-iskor ta’ 6-5.

Logħba ferm sabiħa, eċitanti u li ħalliet lil dawk preżenti fuq ix-xwiek sal-aħħar sekonda.

Kienu Luxol li fetħu l-iskor fis-7 minuta meta wara korner ta’ Celino Alves, kien Mark Zammit illi b’xutt mill-ewwel għeleb lil Mifsud.

Ħamrun ma nħasdux minn dan l-iżvantaġġ hekk kif ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ frikik mogħti minn Raphinha.

Fid-9 minuta, Luxol reġgħu skorjaw meta wara azzjoni veloċi ta’ kontrattakk kien Florin Anton li b’xutt tajjeb xeħet wara Mifsud.

L-Ispartans skorjaw il-gowl tad-dro fis-16-il minuta meta Pullicino għadda b’mod preċiż lil Raphinha li minn żewġ passi bogħod xeħet ġewwa.

U eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima, Rodrigo reġa sab ix-xibka għall-Ħamruniżi b’xutt b’saħħtu minn barra l-ark li Attard ma seta’ jagħmel xejn.

Għaddew biss ħames sekondi mit-tieni taqsima u Ħamrun għamluhom erbgħa meta Michel Melo Jose fajjar xutt b’saħħtu li ħasad lil Attard.

Fil-21 minuta, Luxol ingħataw penalty meta l-keeper Mifsud waqqa’ lil Cope. Iżda Barbosa falla hekk kif ra lil Mifsud jilqa’ b’mod ferm tajjeb.

Fit-28  minuta, Luxol jingħataw penalty ieħor meta Rodrigo mess il-ballun b’idu fl-arja Ħamruniża.

Din id-darba, Glenn Bonello nkariga ruħu u skorja l-4-3.

Ħamrun bħal donnhom infixlu hekk kif Luxol irnexxielhom jiskorjaw il-gowl tad-dro, b’gowl verament sabiħ ta’ Celino Alves illi qabeż lil gowlkiper qabel ma ddepożita fix-xibka.

Fis-36 minuta, Luxol kisbu l-vantaġġ meta Zammit għadda lejn Barbosa illi baqa’ javvanza u b’xutt preċiż skorja.

Ħamrun altru milli qatgħu qalbhom hekk kif daħħlu lil Peter Pullicino bħala flying keeper.

Din il-mossa ħadmet ferm hekk kif huma skorjaw il-gowl tad-dro permezz ta’ Jason Mifsud wara xogħol tajjeb ta Raphinha.

U hekk kif kollox kien jidher li l-logħba se tispiċċa fi dro, Ħamrun baqgħu jemmnu litteralment sal-aħħar sekonda hekk kif Rodrigo b’xutt mill-ewwel tefa’ fix-xibka sabiex xeħet lil plejers, diriġenti u partitarji f’dellirju ta’ ferħ.

———————————————————————————————————————————————————-

F’logħba oħra mill-Elite Round, Lija u Swieqi spiċċaw fi dro ta’ 2-2 filwaqt li l-logħba Valletta kontra Msida ġiet posposta.

Fil-klassifika naraw lil Luxol fil-quċċata bi 48 punt, Hamrun fit-tieni post b’46, Valletta għandhom 40, Lija 32, Swieqi 24 u Msida 22.

———————————————————————————————————————————————————-

Sadanittant mill-Kampjonat Gatorade tal-Ewwel Diviżjoni, kellna lil-liders Sliema jiġu miżmuma dro minn Mdina Knights bl-iskor ta’ 4-4, filwaqt li Sirens ġew maħsuda minn Qrendi hekk kif tilfu bl-iskor ta’  8-5.

———————————————————————————————————————————————————-

Mqabba jinsabu pass bogħod mill-post fil-play-offs wara rebħa ta’ 6-2 kontra Żebbug.

———————————————————————————————————————————————————-

Finalment Marsascala għelbu lil Gozo bl-iskor ta’ 6-5.

Fil-klassifika Sliema fil-kmand b’29 punt, segwiti minn Sirens b’26, Żebbuġ għandhom 24, Mqabba 21, Mdina 16, Qrendi 14, Marsascala 13 u Gozo punt wieħed biss.

Ħamrun Spartans jiċċelebraw fil-partita bejn Ħamrun u Luxol





Leave a comment