Futsal: Bidu mill-aqwa tal-kampjonat premier

Thursday, October 16, 2014, 8:00

Ingħata bidu għall-kampjonat premier tal-futsal, bid-debutt tan-neo promossi Zebbug Rangers li ħadu l-ewwel tliet punti meta għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 2-1.

Fl-istess ġurnata, il-logħba prinċipali kienet dik bejn Valletta u Hamrun Spartans, b’rebħa drammatika ta’ 5-4 għall-Ħamruniżi.

Valletta rritornaw fil-kampjonat premier wara li rebħu l-kampjonat tal-ewwel diviżjoni fl-istaġun li għadda.

Minn naħa l-oħra Hamrun Spartans kienu spiċċaw fil-ħames post fil-kampjonat premier.

Wara żewġ minuti, kellna l-ewwel ċans għal Hamrun wara tentattiv ta’ Rogerio Dos Santos Filho, bil-captain Belti Xavier Saliba li salva minn fuq il-linja.

Fid-disa’ minuta Hamrun fetħu l-iskor permezz ta’ Chris Cardona li b’xutt fil-baxx għeleb lil gowlkiper Matthew Mifsud.

Żewġ minuti wara reġa’ kien l-istess Cardona li rdoppja l-iskor għall-Ħamrun.

Ftit tas-sekondi wara Xavier Saliba naqas l-iskor għal Valletta.

Żewġ minuti mit-tmiem tal-ewwel taqsima, Valletta ġabu d-dro permezz ta’ Denis Di Maio, biex b’hekk l-ewwel taqsima ntemmet bl-iskor ta’ 2-2.

Fil-bidu tat-tieni taqsima Kurt Bartolo ra x-xutt tiegħu salvat ferm tajjeb mill-gowlkiper Alvin Cacciatolo

Fil-25 minuta Mohammed Abdusala Elamari reġa poġġa lil Hamrun fil-vantaġġ.

Minuta biss wara, Valletta kienu pronti ġabu d-dro permezz ta’ Melvin Borg li għamilhom 3-3.

Fl-aħħar minuta, xutt ta’ Cedric Sciberras li ħasad għal kollox lil Alvin Cacciatolo, il-ballun spiċċa ħabat mal-lasta l-mimduda.

Ħamsin sekonda mit-tmiem Jovica Milijic għamilhom 4-3 għal Ħamrun.

Nofs minuta mit-tmiem, Hamrun kellhom freeshot li ġie skurjat minn Rogerio Dos Santos Filho.

Fl-aħħarnett erba’ sekondi mit-tmiem Melvin Borg reġa’ sab ix-xibka u naqashom għall-5-4.





Leave a comment