Balzan iżommu għandhom is-Super Cup

Wednesday, October 8, 2014, 13:47

Balzan ħadu l-ewwel unur tal-istaġun meta għelbu lil Luxol bl-iskor ta’ 3-1 fil-finali tas-Super Cup.

Għal Balzan din kienet it-tielet darba konsekuttiva li rebħu din it-tazza li tiftaħ l-istaġun tal-kampjonat premier tal-futsal lokali.

Kienet finali bilanċjata, b’Balzan li dehru aktar perikolużi u kien jimmeritahom li jirbħu dan il-konfront.

Għal din il-finali Balzan iddebuttaw lil Carl Azzopardi, Mark Zammit, Marco Conti, Matthew Attard u Frane Despotovic.

Ta’ min jgħid li l-plejer Kroat Frane Despotovic kien is-surmast fil-piċċ u wera l-perfezjoniżmu u l-esperjenza li għandu.

Luxol li żammew ħafna mill-plejers li kellhom matul l-istaġun li għadda u bħala akkwisti ġodda kellhom lil Peter Pullicino, Celino Alves, Reuben Grech u Omar Toutoungi.

Balzan fetħu l-iskor wara biss żewġ minuti u nofs meta Frane Despotovic qassam direttament lejn Nicola del Re li sab l-ispazju biex jiskurja.

Żewġ minuti wara Balzan irduppjaw l-iskor meta Nicola del Re ħa vantaġġ minn żball difensiv ta’ Luxol u poġġa lil Boycho Marev żmarkat, b’dan tal-aħħar kien pront tefa’ l-ballun fix-xibka.

Fis-seba’ minuta, Luxol kellhom l-ewwel azzjoni perikoluża meta Dale Camileri dar tajjeb, ixxutja għeleb lil gowlkiper Matthew Xerxen, iżda Frane Despotovic irnexxielu jsalva l-ballun minn fuq il-linja.

Żewġ minuti wara reġgħu kienu Luxol, hekk kif ix-xutt ta’ Florin Anton għadda jmelles il-mimduda.

Imbagħad kien imiss lill-gowlkiper ta’ Luxol Reuben Grech li wettaq żewġ salvataġġi fuq Mark Zammit ta’ Balzan.

Minn naħa l-oħra William Barbosa ta x’jagħmel lil Xerxen, b’dan tal-aħħar isalva ż-żewġ tentattivi.

Minuta mit-tmiem tal-ewwel taqsima, reġa’ kien Barbosa li din id-darba laqat il-lasta.

Fl-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima rajna lil gowlkiper ta’ Balzan li rnexxielu jsalva ballun imdendel ta’ Celino Alves.

Balzan għal ftit ma sabux it-tielet gowl kmieni fl-ewwel taqsima, meta Marev ta ballun tajjeb lil Glenn Bonello, b’dan tal-aħħar tefa’ l-ballun bi ftit barra.

Matul it-tieni taqsima, ż-żewġ timijiet naqsu xi ftit teknikament, hekk if l-għeja u t-tensjoni bdew jagħmlu tagħħhom.

Tmien minuti mit-tmiem Celino Alves prova jaħsad lil Xerxen li b’diffikulta rnexxielu jitfa’ l-ballun f’korner.

Minuta wara mill-istess korner mogħti minn Peter Pullicino Celino Alves naqas l-iskor għal 2-1.

Alves li ma tantx kellu logħba tajba, il-gowl ma tantx għenu għax ġie muri l-karta l-ħamra wara żewġ karti sofor f’qasir żmien.

Balzan ħadu vantaġġ mis-sitwazzjoni u għal darb’oħra Marev bix-xutt qawwi tiegħu għamel l-iskor finali 3-1.

Luxol setgħu naqsu d-distakk meta Peter Pullicino mix-xutt tiegħu laqat il-lasta.

Żewġ minuti mit-tmiem, Luxol tefgħu kollox fuq l-attakk u Florin Anton ħareġ bħala flying keeper biex jagħfsu aktar lil Balzan.

Finalment Balzan ikkontrollaw tajjeb is-sekondi finali u wara tmiem il-partita, il-President tal-Futsal Malta Association ippreżenta s-Super Cup lil captain ta’ Balzan Carlo Scicluna.

Luxol: Jose Manuel da Silva, Celino Alves, Dale Camilleri, Dean Gera, William Barbosa, George Frendo, Peter Pullicino, Adrian Attard, Matthew Camilleri, Omar Toutongi, Florin Anton, Liam Cachia, Reuben Grech.

Kowċ: Florin Anton

Balzan: Nicholas Farrugia, Matthew Xerxen, Glenn Bonello, Frane Despotovic, Nicola Del Re, Matthew Attard, Carl Azzopardi, Adrian Lia, Mark Zammit, Boycho Marev, Carlo Scicluna, Marco Conti.

Kowċ: Boycho Marev

Karti Sofor: Celino Alves, Reuben Grech(L) Marco Conti, Adrian Lia (B)

Karti Ħomor: Celino Alves (L)

Referì 1: Franco Cachia

Referì 2: Roberto Darmanin

Referì 3: Jonathan Balzan

Time Keeper: Mark O’Neill





Leave a comment