- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Futbol: Varat grawnd ġdid ġo Wied il-Għajn

Posted By Sportinmalta On May 12, 2016 @ 10:31 pm In Featured,Football,General,Youth Football | No Comments

Gavin Muscat

Illum ġie varat proġett sportiv ieħor għan-nofsinhar tal-pajjiż hekk kif issa l-lokalità ta’ Wied il- Għajn ser jkollha ground tal-football.

Il-popolazzjoni ta’ Wied il-Għajn tlaħħaq ’il fuq minn 16-il elf ruħ u fis-sajf taqbeż it-22,000. Popolazzjoni li qegħda kull ma jmur tikber. Popolazzjoni żagħżugħa, b’madwar 60 fil-mija tal- Iskalin huma taħt l-40 sena, u għalhekk tħoss il-ħtieġa illi t-tfal u ż-żgħażagħ jkollhom fejn jirrikrejaw ruħhom. Kienu bosta dawk li meta kienu intervistati b’relazzjoni mas-Social Impact Assessment, li esprimew il-bżonn ta’ ground tal-football.

In-nursery bħalissa qed titħarreġ fil-ground tal-iskola primarja tal-lokal filwaqt li sezzjoni minnhom tmur titħarreġ fi grounds oħra fin-nofsinhar tal-pajjiż u t-team tal-kbar jitħarreġ fil-ground tal-Isla. Kien għalhekk li aktar inħass il-bżonn illi l-klabb ta’ Marsaskala jkollu d-dar tiegħu fejn ilaqqa’ lit- timijiet kollha f’daqqa.

Alex Muscat, deputy chief of staff fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, qal illi meta tħabbar il-proġett tal- AUM f’Mejju 2015 li kien jinkludi medda ta’ 90,000 metri kwadri kien jinkludi ground. Issa l- proġett ser ikopri 31,000metru kwadru u allura ma setax jinkludi ground. Il-Gvern baqa’ kommess li jwettaq dak li wiegħed u baqa riżolut li jagħmel ground għall-klabb ta’ Marsaskala. Wara li kienu kkunsidrati diversi siti, l-aktar sit idoneju kien fil-Park tal-Familja. Dan ser jkun investiment ta’ 1.5 miljun ewro u mistenni jitlesta’ fi tmintax-il xahar minn mindu joħorġu l-permessi.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Ricerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius aċċenna għall-għajnuna li l-Gvern ta, permezz tal-Malta Football Association, lill-clubs tal-football kemm Maltin u anke Għawdxin. Huwa saħaq li dawn issa jridu jfittxu li jkunu sostenibbli. Kien għalhekk li s-Segretarjat qed jaħdem fuq il-White Paper tal-kummerċjalizzazzjoni tal-faċilitajiet sportivi, li hija għodda essenzjali sabiex issir il-qabża tant importanti sabiex l-isport isir aktar sostenibbli u fuq bażi professjonali u ma’ jibqax jiddependi fuq għajnuna ta’ terzi.

Indirizzaw lil dawk preżenti is-Segretarju Ġenerali tal-MFA Bjorn Vassallo, il-President tal-clubb ta’ Marsaskala Luke Spagnol u Joe Gerada wieħed miż-żewġ awturi tas-Social Impact Assesment li sar fuq l-Institute of Higher Education li ser issir fl-area taż-Żonqor.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/futbol-varat-grawnd-gdid-go-wied-il-ghajn/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.