Futbol f’Għawdex: Gozo Football League: l-Ewwel Diviżjoni

Tuesday, October 27, 2015, 19:32

Gavin Muscat

Gozo Stadium: 18 ta’ Ottubru 2015

—————————————————————————————————————————————————————————————————————–
Xewkija Tigers vs Victoria Hotspurs

Xewkija Tigers irkupraw mit-telfa li ġarrbu fl-aħħar ħarġa tagħhom u kisbu rebħa ta’ tnejn b’wieħed kontra Victoria Hotspurs.  Bit-tlett punti miksuba huma aprofittaw mir-riżultati l-oħra ta’ tmiem il-ġimgħa biex telgħu weħidhom fl-ewwel post tal-klassifika għas-spejjes tal-istess Hotspurs.  Xewkija, li kienu mingħajr John Camilleri minħabba li kien sospiż, dehru aktar determinati mill-avversarji u fetħu l-iskor fit-tmintax il-minuta permezz ta’ Daniel Bogdanovic li kkokluda bir-ras f’lasti vojta wara żball tal-gowlkeeper.  Il-Hotspurs, li għal din il-logħba mportanti kienu mingħajr Jason Pace u Josef Buttigieg minħabba sospensjoni u Jonathan Bajada li jinstab imweġġa, dehru aktar maħsuda u ftit wara setgħu sofrew gowl ieħor iżda lob ta’ Thierry Tazameta, wara pass fit-tul ta’ Bogdanovic, spiċċa mal-lasta.  Xewkija irduppjaw minn penalty li wasal fil-ħamsa u tletin minuta meta Daniel Bogadnovic twaqqa fil kaxxa wara li kien żmarkat bit-takuna minn Thierry Tazameta u l-attakant mill-Kamerun għeleb lil gowlkeeper bix-xutt mill-ħdax il-metru.  Il-Hotspurs ipruvaw jwettqu reazjoni fit-tieni taqsima u fis-sebgħin minuta setgħu japrofittaw minn plejer aktar wara li Xewkija kellhom lil Gennaro Hili li safa mkeċċi għal daqqa ta’ minkeb lil Michael Bezzina.  Xewkija iżda komplew jaminstraw il-vantaġġ u ħolqu xi azzjonijiet fejn setgħu għalqu il-partita, filwaqt li l-Hotspurs irnexielhom biss inaqqsu l-iskor minn penalty li wasal fid-disgħa u tmenin minuta wara li Rodney Buttigieg waqqa fil-kaxxa lil Miguel Montano u l-istess plejer ikonkluda fil-lasti bix-xutt mill-ispot kick biex naqqas l-iskor għal 2-1 .
—————————————————————————————————————————————————————————————————————–

Għajnsielem vs Oratory Youths

L-isfidanti ta’ Xewkija għar-rebħ tal-kampjonat Għajnsielem ġew miżmuma fi draw ta’ wieħed b’wieħed minn Oratory Youths f’logħba li żvolgiet f’waħda aktar kumbatuta milli mistenni.  Għajnsielem ippruvaw jieħdu kmand tal-logħba iżda Oratory idefendew tajjeb u żammew lid-difiża tal-Blacks impenjata l-aktar bil-movimenti tal-attakanti Anderson Ribeiro u Christian Mercieca.  Għajnsielem ħolqu l-aħjar okkazjonijiet ta’ skor permezz ta’ Santos Da Hora, Kenneth Mercieca u Shaun Bajada li kellu ukoll tentativ bir-ras li spiċċa mal-minduda.  Oratory issorprendew lil-Għajnsielem bil-gowl tal-vantaġġ li wasal fl-erbgħa u erbgħin minuta b’lob mill-isbaħ ta’ Anderson Ribeiro, li aprofitta minn clearance ħażina tad-difiża u ikonkluda fil-lasti minkejja li kien f’posizzjoni angolata u ‘l boghod mill-lasti.  Fit-tieni taqsima Għajnsielem ipruvaw jżidu l-isforzi tagħhom filwaqt li Oratory komplew joperaw b’kontrattaki nsidjużi.  Fid-disgħa u sittin minuta Anderson Ribeiro ta’ Oratory, li kien qed ikollu logħba tajba, ħalla lil sħabu bi plejer anqas fil-pitch meta safa mkeċċi, wara senjalazzjoni tal-assistent referee, għal fowl mingħajr ballun fuq Kennth Mercieca. Għajnsielem irnexielhom isalvaw ir-riżultat b’awto gowl tal-gowlkeeper ta’ Oratory Leonard Camilleri, li ppanċja ħażin korner ta’ Shaun Bajada biex il-ballun spiċċa fil-lasti.

—————————————————————————————————————————————————————————————————————–

Kerċem Ajax vs St.Lawrence Spurs

Kerċem Ajax ukoll tilfu żewġ punti mportanti fl-ambizzjonijiet tagħhom li jkunu mat-timijiet ta’ quddiem net fil-klassifika meta ġew miżmuma fi draw ta’ minghajr gowls minn St Lawrence Spurs.  Għal St Lawrence dan kien l-ewwel riżultat positiv fil-kampjonat.  Kerċem, li kienu mingħajr Elton Vella minħabba sospensjoni u kellhom ibidlu lil attakant Claudio Antunes minħabba li weġġa waqt il-partita, kellhom supremazija fil-pusses tal-ballun iżda sabuha diffiċli sbiex joħolqu azzjonijiet serji filwaqt li attakanti Malcolm Vella u Shaun Attard naqsu li jisfruttaw l-aħjar okkazjonijiet ta’ skor fil-partita.  Min-naħa l-oħra St Lawrence idefendew tajjeb u ħolqu ukoll xi azzjonijiet ta’ skor l-aktar permezz ta’ Sunday Baala u Jason Theuma.

—————————————————————————————————————————————————————————————————————–

Fil-klassifika Xewkija Tigers telgħu fl-ewwel post b‘għaxar punti, Victoria Hotspurs disgħa, Għajnsielem tminja, Kerċem Ajax sebgħa, Oratory Youths erbgħa, SK Victoria Wanderers tlieta u St Lawrence Spurs fl-aħħar post b’punt.  Victoria Hotspurs u Xewkija għandhom logħba aktar.

Il-logħob mill Gozo Football League tal-ewwel diviżjoni jitkompla fl-aħħar tmiem il-ġimgħa ta’ Ottubru għaliex fi tmeim il-ġimgħa li gej issir logħob mit-tieni rawnd tal FA Trophy.

—————————————————————————————————————————————————————————————————————–

Klassifika GFA Gozo Football League I Diviżjoni

Tim                                                 Lagħbu             Punti

———————————————————–

Xewkija Tigers                                  5                      10

Victoria Hotspurs                             5                      9

Għajnsielem                                      4                      8

Kerċem Ajax                                      4                      7

Oratory Youths                                 4                      4

SK Victoria Wanderers                  4                      3

St Lawrence Spurs                           4                      1





Leave a comment