Fun Race organizzata mill-Gozo Motocross Association

Tuesday, January 28, 2020, 15:20

Il-Gozo Motocross Association (GMA) organizzat Fun Race, nhar il-Ħadd 26 ta’ Jannar, fit-trakka Ta’ Xħajma, bit-tlielaq li bdew fis-siegħa ta’ waranofsinhar.

Din il-Fun Race kienet waħda differenti minn tas-soltu. Is-sewwieqa tal-klassijiet A, B u C ġew mibdula u għalhekk it-tlielaq qanqlu interess hekk kif xi sewwieqa sabu ruħhom jikkompetu ma’ oħrajn li mhux soltu jkunu fil-klassi tagħhom.

Fi klassi A, Steve Xuereb akkwista l-akbar ammont ta’ punti f’din il-kategorija u ghalhekk daħal fl-ewwel post. Jorn Stellini u Daniel Portelli akkwistaw l-istess ammont ta’ punti. Għaldaqstant, skont ir-regolamenti tal-GMA, f’każ ta’ punti ndaqs, dak is sewwieq li jikseb l-akbar ammont ta’ punti fl-ewwel ‘heat’, jirbaħ l-aħjar post. Ghalhekk, Stellini daħal fit-tieni post segwit minn Portelli.

Klassi B intrebhet minn Matthew Zammit, li fuq Honda CRF 250cc ġdid fjamant tal-2020, akkwista wkoll punti massimi. Warajh daħal Silvan Caruana, segwit minn Keith Bugeja

Fi Klassi Ċ, iż-żagħżugħ Mark Camilleri b’ħila kbira spiċċa l-ewwel post. Warajh daħal Steve Cassar fuq Honda CRF 250cc u fit-tielet post is-sewwieq ġdid Luke Cardona.

Il-GMA tixtieq tavza li l-ħames rawnd tal-Gozo Motocross Championship 2020 fuelled by Enemed, ser issir nhar il-Ħadd 9 ta Frar 2020. Il-GMA bi pjacir tavża li Paul Croxton, wieħed mill-ħames l-aqwa sewwieqa mal-AMCA fl-Ingilterra u ċampjin tal-YMSA se jkun fostna biex jipparteċipa fil-kompetizzjionijiet mas-sewwieqa fit-trekk Ta’ Xħajma. Fl-aħħar tal-programm, ser issir tiġrija waħda, biex infakkru l-memorja tas-sewwieq Ingliz Cliff Barton, li rebaħ ħafna drabi l-kampjonat Ewropej, iżda li sfortunatament ħalliena s-sena l-oħra. Dawk is-sewwieqa li jakkwistaw l-ewwel żewġ postijiet fi klassi A u B, ser jieħdu sehem f’din it-tellieqa flimkien ma’ Croxton. It-trofew li biha Barton rebaħ il-kampjonat Ewropej, se tkun ġentilment offruta lir-rebbieħ ta’ din it-tellieqa.

Sadnittant, is-Sur Scott Donavan, kowċ tas-sewwieqa membri fil-Gozo Motocross Association, ġie mitlub jagħżel żewġ sewwieqa Għawdxin biex jikkompetu ġewwa l-Ingilterra. Is-sewwieqa huma Steve Xuereb u Robert Spiteri, li f’Mejju li ġej, se jkunu parteċipi fil-kampjonat AMCA tal-2020.

Iktar informazzjoni tingħata aktar il quddiem.

Il-GMA dejjem tħeġġeġ biex sewwieqa ġodda jingħaqdu magħha.

Għal aktar tagħrif tistgħu żżuru l-paġna ta’ Facebook – https://www.facebook.com/gmagozzo





Leave a comment