Ftuh ufficjali tal-bini amministrattiv ta`Tarxien Rainbows

Thursday, July 18, 2013, 11:47

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Stefan Buontempo, inawgura flimkien mal-President tal-Malta Football Association, l-uffiċċju amministrattiv tal-klabb tal-futbol Tarxien Rainbows F.C.

F’kelmtejn tal-okkażjoni s-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li f’ċertu dixxiplini sportivi bħal futbol rajna qabża kbira fil-kwalità tal-faċilitajiet fejn fil-passat il-grawnds kienu jkunu tar-ramel.

Il-Gvern qiegħed jinvesti fl-isport u l-għan ta’ dan il-Gvern hu li l-isport isir aktar professjonali, b’faċilitajiet mgħammra biex jattiraw aktar persuni lejn attività fiżika. Huwa qal li dawn it-tip ta’ faċilitajiet jiswew il-flus biex isiru, u li l-klabbs waħedhom mhux se jaslu.

Fil-klabbs tagħna hemm persuni dedikati u li għandhom viżjoni kbira u fit-tul iżda proġetti bħal dawn ikun hemm il-bżonn ta’ xi forma ta’ finanzjament. Għalkemm xi klabbs jirċievu xi sponsorship mhux kull klabb huwa fl-istess livell.

Għalhekk, kompla jgħid Buontempo, il-Gvern qed jesplora kif jistà jkun hemm sħubija mas-settur privat biex isir titjib fil-faċilitajiet li għandna pajjiżna. Din is-sħubija trid twassal biex l-għaqdiet sportivi isiru sostenibbli.

Filwaqt li feraħ lid-diriġenti tal-klabb u lill-Malta Football Association għall-viżjoni tagħhom, Buontempo qal li pajjiżna għandu potenzjal kbir u qed naħdmu biex dan il-potenzjal nisfruttawh għall-ġid tal-isport.





Leave a comment