Ftuħ tal-Ġimgħa Ewropeja tal-Isport

Thursday, September 6, 2018, 8:28

Nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Settembru Malta tingħaqad mal-bqija tal-Ewropa bil-ftuħ tal-Ġimgħa Ewropeja tal-Isport. Kulħadd huwa mħeġġeġ sabiex fid-9:00 ta’ filgħodu jingħaqad flimkien ma’ SportMalta fil-Kumpless Sportiv tal-Qroqq fejn apparti dan il-ftuħ se jsir l-egħluq tal-programm popolari mal-Maltin Summer On The Move.  Din l-attività ser tkun l-aktar ikkonċentrata b’logħob fil-pixxina pero’ ser ikun hemm tournament tal-isquash, klassijiet tal-yoga, aqua fitness u qbiż tal-ħabel għall-adulti kif ukoll show imtella’ mill-Akkademja tal-għawm sinkroniżżat u tournament tal-waterpolo għat-tfal taħt il-11-il sena.

Fis-6:00 ta’ filgħaxija l-attività tkompli fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera fejn sal-10:00 ta’ bil-lejl ħa jkun organiżżat villaġġ sportiv. Din ħa tkun opportunita unika sabiex tfal jippruvaw sport ġdid bħal ċikliżmu, żfin u ġinnastika. Ħa jkun hemm ukoll il-logħba tradizzjonali tal-boċċi u jiġi ntrodott workshop ġdid ta’ tpinġija waqt iż-żfin immirat sabiex ikun ta’ ispirazzjoni għal artisti żgħar li jesprimu ruħhom. Sintendi ma jonqsux il-klassijiet ta’ indoor rowing, fitness u yoga kemm għall-kbar kif ukoll għaż-żgħar.

Attivitajiet oħra jinkludu dawra mat-Tliet Ibliet bil-ferrovija u quizzes.

Inħeġġu lil kulħadd sabiex nhar il-Ġimgħa jiġi u jipparteċipa sabiex għal darb’oħra din il-Ġimgħa Ewropeja ddedikata għall-Isport tkun suċċess. L-attivitajiet kollha huma b’xejn għal kulħadd u ser jitqassmu wkoll bosta affarijiet lil dawk li jipparteċipaw.





Leave a comment