- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn l-MFA u Frosinone Calcio

Posted By Sportinmalta On August 28, 2018 @ 8:53 am In Featured,Football,Youth Football | No Comments

Il-Malta Football Association u Frosinone Calcio għadhom kemm iffirmaw ftehim ta’ tliet snin biex isaħħu l-kollaborazzjoni fis-settur taż-żgħażagħ.

Grazzi għal dan il-ftehim, bil-permess tal-ġenituri tagħhom, tal-klabb u anke bl-approvazzjoni tal-FIFA, kull sena żewġ players żgħażagħ Maltin jistgħu jingħaqdu mal-iskwadra tal-Youths ta’ Frosinone Calcio filwaqt li żewġ coaches miċ-Ċentru Tekniku tal-MFA jistgħu wkoll jiksbu esperjenza fi ħdan is-settur taż-żgħażagħ ma’ dan il-klabb Taljan.

“Ninsabu sodisfatti ferm li kkonkludejna l-iffirmar ta’ dan il-ftehim ma’ Frosinone Calcio,” qal il-president tal-MFA, Norman Darmanin Demajo.

“Din is-sħubija tikkumplimenta l-politika tagħna biex jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-players żgħażagħ tagħna biex jitħarrġu u jilagħbu f’ambjent professjonali, bi ftehim mal-klabb lokali tagħhom.

“Aħna fiduċjużi li dawn l-opportunitajiet jistgħu jservu ta’ benefiċċju kbir għall-iżvilupp tat-talenti tagħhom.

“Il-qasam tal-coaching education huwa wkoll prijoritá għall-MFA u dan il-ftehim se jagħti ċ-ċans lill-coaches fis-settur tal-Youths biex itejbu u jkabbru l-għarfien tagħhom u jiksbu l-esperjenza kollha meħtieġa billi jkunu mħarrġa u jaħdmu f’ambjent professjonali barra minn xtutna.

“Għaldaqstant irrid nirringrazzja lil Frosinone Calcio għall-assistenza u l-koperazzjoni tagħhom, b’mod speċjali lis-Sur Ernesto Salvini, li huwa responsabbli mis-settur tekniku tal-klabb Taljan, kif ukoll lis-Sur Mauro Di Lello.”

Min-naħa tiegħu, Ernesto Salvini esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-ftehim ta’ kollaborazzjoni u sostna li jittama li permezz ta’ din is-sħubija jinkisbu riżultati importanti fil-futur.

Sadanittant Jake Engerer, membru tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena, diġà beda t-taħriġ tiegħu mal-iskwadra tal-Youths ta’ Frosinone Calcio, filwaqt li Nikolai Farrugia Cross ta’ Birkirkara huwa fil-proċess li jingħaqad mas-settur tal-Youths tal-klabb tas-Serie A Taljana fil-futur qrib.

Kemm Engerer kif ukoll Farrugia Cross għamlu żjara fiċ-ċentru tat-taħriġ ta’ Frosinone fil-ġimgħat li għaddew.

L-appoġġ u l-koperazzjoni tal-ġenituri ta’ dawn iż-żewġ players, kif ukoll Birkirkara FC fil-każ ta’ Farrugia Cross, kienu fundamentali fid-diskussjonijiet ma’ Frosinone Calcio.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/ftehim-ta-kollaborazzjoni-bejn-l-mfa-u-frosinone-calcio/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.