Frank Salt Phoenix u Mellieħa Mr. Green jirbħu l-partiti tal-ftuħ

Tuesday, October 21, 2014, 17:33

ST. JAMES HOSPITAL SHIELD 2 DIVIŻJONI

minn Colin Schembri

St. Nicholas Suns 44

Frank Salt Phoenix 47
(14-6)(5-12)(16-17)(9-12)

Fl-ewwel partita mis-St.James Hospital Shield tat-tieni diviżjoni ic-champions renjanti St. Nicholas Suns sfaw megħluba minn Frank Salt Phoenix 47-44 f’rebħa li mmaturat fl-aħħar 11 –il sekonda. Iż-żewġ timijiet ftit kellhom tibdil mill-istaġun li għadda għalkemm Suns kellhom nieqsa lil Alex Bianchi, Lee Grech u Igor Marjanovic mit-team li l-istaġun li għadda rebaħ żewġ unuri. Suns kellhom l-aħjar bidu bil-punti ta’ Keith Scicluna u Robert Camilleri bi trippla u għamlu run ta’ 11-0. Ir-risposta ta’ Phoenix waslet fis-seba minuta b’baskets minn Jonathan Ransley u Darryl Pisani però Suns temmew l-ewwel perjodu 14-6 minn fuq. Punti ta’ Hubert Agius kabbru l-vantaġġ tas-Suns fil-bidu tat-tieni sessjoni. Hawn Phoenix kellhom mument tajjeb b’run ta’ 10-0 b’punti ta’ Andres Toompere u trippla ta’ Antoine Costa u fis-sitt minuta marru minn fuq 18-17. Sa’ tmiem il-perjodu sar basket wieħed biss minn Robert Mercieca għal Suns li daħlu jistrieħu punt minn fuq 19-18.

Wara l-intervall, Suns bdew bi tlett baskets mingħajr risposta biex reġgħu marru sebgħa minn fuq 25-18. Wara trippla fuq kull naħa minn Costa u Michael Barberi, Phoenix għamlu break ta’ 11-3 b’żewġ trippli oħra ta’ Costa u ġabu l-iskor indaqs 35-35. Fl-aħħar perjodu Suns kellhom il-vantaġġ għal tlett darbiet fosthom bi trippla oħra ta’ Barberi u baskets ta’ Reno Camilleri. Fl-aħħar 11 –il sekonda, Suns tilfu l-ballun u sar foul anti-sportiv fuq Costa u l-istess player mill-freethrow line ġab l-iskor indaqs 44-44 u mill-pusess ta’ wara kien Ransley li poġġa lil Phoenix minn fuq. Suns ma rnexxielhomx jagħmlu punti mill-aħħar attakk tagħhom biex free-throw ta’ Luke Azzopardi għalaq il-partita għal Phoenix fuq skor ta’ 47-44.

St. Nicholas Suns: A. Pace, S. Borg, K. Scicluna 3, H. Agius 13, M. Barberi 9, R. Camilleri 6, M. Agius, R. Mercieca 8, R. Camilleri 5, S. Cauchi.

Frank Salt Phoenix: L. Azzopardi 9, G. Micallef, D. Pisani 3, R. Curmi, F. Nicastro, I. Stoickov, K. Vella, L. Bugelli, C. Briffa, A. Costa 14, J. Ransley 12, A. Toompere 9.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani.

Athleta 42

Mellieħa Mr. Green 65
(7-20)(8-14)(8-16)(19-15)

Taħt it-tmexxija ta’ Peter Farrugia, Athleta ppeżentaw team fit-tieni diviżjoni magħmul minn diversi players żgħażagħ. Mellieħa minn naħa l-oħra kellhom diversi akkwisti fis-sajf fosthom Emanuel Lupo, Bernard Soler u Robert Loporto fil-waqt li kkonfermaw lil barrani tagħhom Rihards Polis. Mellieħa mal-ewwel impostaw il-logħba tagħhom bi break ta’ 18-2 b’żewġ trippli ta’ Polis u baskets ta; Loporto u Lupo. Il-player Ingliż tal-Athleta Will Hopper għamel trippla flimkien ma’ baskets ta’ Stefan Vincic għal skor ta’ 20-7. Fil-bidu tat-tieni taqsima ż-żewġ timijiet bdew iwieġbu lil xulxin b’aktar punti ta’ Hopper u Matthew Gouder għall- Athleta u Lupo, John Muscat u Polis għal Mellieħa. Mellieħa mbagħad komplew bi break qasir ta’ 7-0 bi trippla minn Oliver Sammut biex fil-halftime huma kienu 34-15 minn fuq.

Wara l-mistrieġ, Hopper u Gouder naqqsu xi ftit id-distakk għall- Athleta qabel ma Mellieħa kellhom run oħra ta’ 10-0 b’żewġ baskets kull wieħed minn Loporto u Lupo flimkien ma’ Samuel Aquilina. Wara żewġ baskets oħra ta’ Polis u Clint Grixti, Mellieħa bdew l-aħħar taqsima 27 punt minn fuq 50-23. Fl-aħħar taqsima ż-żgħażagħ tal-Athleta qasmu l-logħob mal-avversarji fejn kellhom ukoll run ta’ 9-2 bi trippla ta’ Martin Krastev u żewġ baskets ta’ Hopper. Baskets minn Daniel Buhagiar u Krastev komplew inaqqsulhom id-distakk iżda kienu Mellieħa li għalqu l-partita b’baskets ta’ Clint Grixti u trippla ta’ Polis biex bdew b’rebħa fuq skor finali ta’ 65-42.

Athleta: W. Hopper 11, D. Buhagiar 4, l. Stefanovic, D. Cassar, F. Mifsud Bonnici, M. Gouder 7, M. Krastev 11, S. Vincic 2, M. Gauchi Montaldo 7.

Mellieħa Mr. Green: C. Grixti 4, M. Farrugia 4, J. Muscat 2, S. Aquilina 2, R. Polis 15, P. Magro, O. Sammut 3, J. Aquilina, E. Lupo 18, P. Cauchi, B. Soler 4, R. Loporto 13.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani.





Leave a comment