Francesco Barresi f’Malta

Thursday, March 7, 2013, 0:16

minn Stephen Azzopardi

Il-mixtla ta’ Sliema Wanderers,  sa’ mit-twaqqif tagħha tletin sena ilu minn Guzi Fava, għadha sal-lum tiffoka biex teduka u tkun ta’ benefiċju għat-tim ta’ Sliema Wanderers.  Dan tagħmlu mhux biss biex tgħin lill-klabb tas-Sliema imma anki lil futbol Malti.  Biex tkompli tilħaq dan il-għan, il-kumitat flimkien mad-direttur tekniku tal-mixtla Slimiża ħadu l-inizzjattiva li jistiednu f’Malta lid-direttur tekniku għas-settur tat-tfal u ż-żgħażagħ ta’ Napoli Calcio, Franceso Barresi.  Għal din iż-żjara ġie miegħu wkoll l-osservatur tekniku Alfio San Filippo.  Ta’ min jgħid ukoll li San Filippo kien ġab lil Bojinov f’Malta.  Fil-passat kien ukoll osservatur tekniku ma’ Fioretina u Inter.

Fiż-żjara qasira tagħhom, kellhom laqgħa miftuħa mhux biss għal kowċis ta’ Sliema imma anki għal kowċis l-oħrajn Maltin.  Din il-laqgħa kienet ta’ suċċess u Barresi kien kuntent ħafna b’din l-okażjoni li kellu li jitkellem mill-qrib mal-kowċis Maltin.  Barresi kellu wkoll iċ-cans li jara xi tfal jilgħabu mit-timijiet ta’ Sliema, Melita u Mosta f’logħob ta’ ħbiberija li kellhom fil-kumpless sportiv ta’ Sliema Wanderers.

Minn naħa tagħhom il-mixtla ta’ Sliema Wanderers, se tkompli tassigura li kemm il-kowċis kif ukoll il-plejers jkunu iktar esposti għal aktar ideat u esperjenzi ta’ personalitajiet mill-futbol internazzjonali.  Dan iservi biex ikompli jtejjeb u jimmotiva l-iżvilupp kontinwu fil-karriera tal-futbol b’mod professjonali.

Waqt stqarrija tal-istampa, Barresi kien kuntent ħafna li ġie mistieden minn Sliema Wanderers u irringrazjahom għal akkoljenza u professjonalita f’dawn il-jumejn li għaddew.  Barresi kompla billi qal li Napoli Calcio llum hija realta importanti u li qed tikber għax qed tinvesti bil-kbir fis-settur taż-żgħar.  Din is-sena 3 plejers mwielda fl-1994 iddebutaw ukoll mat-tim tal-kbar.  Dan għalhekk ikompli juri li huma lesti li jkomplu jikbru bħala klabb.  Mistoqsi dwar l-andament ta’ Napoli fil-kampjonat tas-serje A, qal li f’Napli hemm arja sabiħa.

Dwar il-possibilta li plejers Maltin jmorru jagħmlu prova f’Napli, Barresi qal li l-laqgħa kienet esklussivament għal kowċis pero ma eskludiex li fil-futur ikun hemm laqgħat oħra għal dan il-għan.

L-istess kliem minn naħa ta’ Alfio San Filippo u rringrazzja ukoll lil istaff tal-lukanda li laqgħethom waqt din iż-żjara.  Għalih ukoll din kienet l-ewwel darba li ltaqa’ ma’ grupp ta’ ħbieb li magħhom kellu esperjenza sportiva mill-aqwa.  Fil-futur jixtiequ ħafna li jerġħu jagħmlu laqgħa oħra bħal din.

Minn naħa tiegħu Claude Chetcuti id-direttur tekniku tal-mixtla Slimiża, qal li din iż-żjara kienet importanti għax hemm ħafna x’titgħallem minn dawn in-nies.  Kien affaxinat ħafna mill-umilta u d-disponnibilta ta’ Barresi.





Leave a comment