F’Ottubru li ġej Malta tilqa’ Kompetizzjoni tad-drifting internazzjonali

Monday, August 11, 2014, 1:14

‘L-isport lokali irid jieqaf jiddependi totalment mill-finanzi tal-Gvern u b’xi mod jaħdem mal-privat għax hekk biss l-maġġior parti tal-isport f’pajjiżna jieqaf jkun amatorjali u jsir professjonali’.  Dan qalu llum s-Segretarju Parlamemtari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret biex tingħata nformazzjoni dwar ‘King of the Kings’, l-attivita tad-drifting li ser tkun organizzata f’pajjiżna.  Din ser tkun attivita’ li qed issir fl-għeluq l-10 snin mill-bidu tal-King of the Kings.

 

Is-Segretarju Parlamentari saħaq li l-isport tal-muturi u karozzi diġa għamel unur lil Malta f’diversi kompetizzjonijiet barra il-pajjiż u għalhekk kemm il-gvern u anke l-privat irid jara din bħala opportunita li mhux biss jagħmel reklam għall-entita’ tiegħu imma wkoll għall-pajjiżna.  Huwa kompla jgħid li attivitajiet ta’ din ix-xorta jkomplu jtellgħu isem Malta l’fuq fil-klassifiċi relatati mat-turiżmu fejn saħaq fuq l-importanza tat-turiżmu sportiv u kemm Malta għandha bżonn li tressaq lejha aktar turisti li jiġu hawn bl-għan li jipprattikaw l-isport.

 

Kienu Adrian Figallo, f’isem FM Promotions u George Muscat il-President tal-Malta Drifting Association li taw l-informazzjoni dwar din l-attivita fejn ser jinġiebu Malta sewwieqa barranin li ħadu sehem f’kompetizzjonijiet Ewropej sabiex jikkompetu kontra xulxin għat-titlu King of the Kings.  Sewwieq Malti wkoll ser jingħataċ-ċans sabiex jikkompeti kontra dawn il-ġganti Ewropej fid-drifting.  L-attivita’ ser tkun ibbażata fuq tlett ijiem fejn filwaqt li l-Ġimgħa jkun hemm free practice, is-Sibt u l-Ħadd ikun hemm il-kompetizzjoni propja fejn ir-rebbieħ jirbaħ €10,000.  Waqt l-attivita’ minbarra l-kompetizzjoni King of the Kings, ser isiru wkoll King of Malta Street Legal Cup u King of Malta Pro Cup.

 

Il-President tal-Malta Sport Federation Tonio Cini kkwota survey li jgħid li l-isport tad-drifting, anke jekk mhux rikonoxxut mill-FIA, huwa it-tielet l-aktar sport tal-karozzi segwit wara l-Formula 1 u l-World Rally.  Dan l-isport, kompla Cini, qed jibgħat messaġġ qawwi li n-nies trid aktar attivitajiet ta’ din ix-xorta.  Huwa semma kif dan ikompli jikber u jieħu l-popolarita’ anke f’Malta jekk kemm il-darba din il-ħolma tat-trakka ġdida issir realta.

 

Ic-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport Luciano Busuttil li qal li l-KMS tifhem u tgħaraf l-importanza ta’ dan l-isport u kieku tista tixtieq toffri għajnuna finanzjarja ikbar pero l-finanzi anke tal-KMS huma dak li huma.  Huwa semma l-passjoni li l-Maltin għandhom lejn dan l-isport u l-investiment finanzjarju personali li bosta sewwieqa jagħmlu biex ikunu jistgħu jipprattikawh.

 

Waqt il-konferenza tkellem wkoll Mike Procureur, li huwa l-managing director ta’ King of Europe u Pierre Fenech f’isem Montekristo Estates.  L-attivita’ ser issir bejn it-3 u l-5 ta’ Ottubru f’Montekristo Estates u ser tintwera fuq TVM2, minbarra stazzjonijiet barranin.  Aktar informazzjoni fuq is-series tinstab fil-paġnahttp://www.kingofeurope.net, jew fil-paġna ta’ facebook: http://www.facebook.com/koedrift





Leave a comment