Formosa u Aquilina jiddominaw it-tellieqa finali tal-BDO Malta Cross Country Mountain Bike National Point Series

Monday, October 9, 2017, 11:01

Is-sitt u l-aħħar tellieqa tal-BDO Malta Cross Country Mountain Bike National Point Series għalqet staġun mimli b’azzjoni ta’ kwalita ġewwa il-Miżieb fejn iktar minn tletin ċiklista ħadu sehem.

Il-Kategorija Elite reġgħet rat kompetizzjoni missielta bejn il-kontendenti għat-titlu Etienne Bonello, Patrick Scicluna u Maurice Formosa. Filwaqt li ċ-ċiklisti kollha taw prestazzjoni tajba,  minkejja l-attakki validi minn Bonello, kienu t-tattiċi ta’ Formosa li ppermettulu jagħlaq dak li kien staġun kemmxejn diżappuntanti b’rebħa qawwija u vantaġġ komdu ta’ 2 minuti 23 fuq Bonello. Scicluna daħal fit-tielet post.

Il-kategorija tan-Nisa rat l-akbar parteċipazzjoni fis-Serje kollha, meta ħadu sehem ħames ċiklisti. It-tellieqa rat ir-ritorn ta’ Marie Claire Aquilina u Danica Bonello Spiteri li ma ħadux sehem fit-tellieqa preċendenti minħabba impenji internazzjonali. Fost iċ-ċiklisti nisa kien hemm iċ-Ċampjon Ewropea u Dinjija tad- Downhill Petra Wiltshire. Aquilina mill-ewwel ħadet postha fuq quddiem u żammet distakk komdu fuq Danica Bonello Spiteri. Aquilina żammet vantaġġ ta’ 9 minuti fuq Bonello Spiteri. Madankollu Bonello Spiteri, minkejja ħabta kemmxejn kerha waqt kompetizzjoni barra mill-pajjiż il-ġimgħa ta ‘qabel, kellha tellieqa tajba.  Fit-tielet post, Claudine Gatt, rebbieħa tat-tellieqa preċedenti, irreġġistrat ħin tajjeb.

Kif kien mistenni fil-Kategorija Open, kienet imwiegħda ġlieda sal-aħħar bejn Ryan Darmanin u Mark Zammit partikolarment. Zammit ħa l-vantaġġ mill-ewwel iżda Darmanin baqa jafas ma’ Zammit. Madankollu, l-isforz ta’ Darmanin sfaxxaw meta hu sofra panċer fl-aħħar dawra. B’hekk Zammit irreġistra rebħa oħra fis-Serje. Fit-tieni pozizzjoni daħal Anton Muscat, li pass pass irnexxilu jersaq fuq quddiem sa kemm għeleb lil Francesco Sultana, sabiex jassigura l-ewwel post tiegħu fuq il-podju għas-Serje 2017.

Gejtu Catania u Enrico Brandamante qabdu ritmu tajjeb fil-Kategorija Masters, iżda Domenic Cutajar b’determinazzjoni soda spiċċa fuq quddiem, segwit minn Mark Portelli u Derek Pepe. Huma kisbu it-tliet postijiet fuq il-podju rispettivament.

Għal darb’oħra, il-Kategorija Junior rat lil żagħżugħ Nicholas Attard Montalto bħala l-uniku kompetitur. Attard Montalto pproduċa wirjiet konsistenti u tajbin matul is-Serje.

“L-istaġun tal-2017 kien wieħed ta’suċċess, filwaqt li naraw oqsma fejn nistgħu ntejbu l-parteċipazzjoni, rajna tkabbir f’ħafna oqsma. Naturalment hemm lezzjonijiet li wieħed għandu jitgħallem minnhom u  ninsabu kunfidenti li l-2018 ser tkun is-sena aħjar,” qal Pierre Zammit Endrich, President, Malta Mountain Bike Association. “Nixtiequ nirringrazzjaw lill-isponsors tagħna, liċ-ċiklisti u voluntiera li jagħmlu ħafna sforz b’ dedikazzjoni biex jiżguraw li s-Serje sseħħ u tikber”.

Hekk kif il-BDO Malta Cross Country Mountain Bike National Point Series ġiet fit-tmiem tagħha, iċ-ċiklisti ser jiffokaw l-attenzjoni tagħhom fuq il-Kampjonati Nazzjonali li se jsiru f’Selmun nhar il-Ħadd 15 ta’ Ottubru. Ir-rebbieħa tal- BDO Malta Cross Country Mountain Bike National Point Series se jkunu mħabbra matul il-lejla tal-Premjijiet li ser tkun ospitata mill-Assoċjazzjoni nhar is-Sibt 11 ta’ Novembru.

Is-Serje Cross Country 2017 kienet sponsorjata minn BDO Malta u appoġġjata minn Magri Cycles, Carm & Co Ltd (prodotti tas-SIS), Island Beverages (H20nly) u MTB Malta.

Għall-aħħar aħbarijiet u l-kalendarju tal-avvenimenti tal-Assoċjazzjoni, jekk jogħġbok żur – http://www.maltamountainbike.org.mt u Facebook u paġni ta’ Instagram. Inkella tikkuntattja lill-Assoċjazzjoni fuq info@maltamountainbike.org.mt

 





Leave a comment