Format ġdid għal Futsal f’Malta

Sunday, August 25, 2013, 10:02

Minn Stephen Azzopardi

Nhar l-Erbgħa 21 ta’ Awissu, saret il-laqgħa tal-Kunsill tal-Futsal Malta Association, fis-sala ta’ fuq fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin.  Bil-preżenza tad-diriġenti minn 29 klabb tal-futsal f’Malta, ġie deċiż il-format għall-istaġun 2013-2014.  Minħabba li ċerti klabbs għażlu li minn din is-sena ma jieħdux sehem fil-kampjonat futsal, saret bidla kbira.  Is-sena li għaddiet kien hemm id-diviżjonijiet tal-Premier, l-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Diviżjoni.  L-istaġun li jmiss se jkun magħmul mill-Kampjonat Premier u dak tal-Ewwel Diviżjoni.

Il-kampjonat Premier se jkun magħmul minn sittax  –il klabb li huma Hibernians, Balzan, Luxol, San Ġwann, Qormi, Tarxien, Ħamrun, Zabbar, Melita, Luqa, Mosta, Żurrieq, Pembroke, Vittoriosa, Swieqi u B’bugia.  Dawn is-sittax se jilgħabu l-ewwel rawnd kontra xulxin imbagħad jinqasmu tmien timijiet fiċ-Championship Pool, bl-ewwel erbgħa jilgħabu għall-Play Offs biex jiġi determinat ir-rebbieħ tal-kampjonat.  L-aħħar tmien timijiet jilgħabu fir-Relegation Pool.

Minn naħa l-oħra il-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni se jkun magħmul minn 13 –il klabb li huma Żebbuġ, Fgura, Santa Lucia, Valletta, Gżira, Siġġiewi, Sirens, Marsaskala, Kalkara, Mqabba, Naxxar, Qrendi u Msida.

Il-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni jibda nhar it-Tnejn 16 ta’ Settembru, fejn Siġġiewi jligħabu kontra Msida u Mqabba jilgħabu kontra Santa Lucia.

Nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Settembru jkollna l-Finali tas-Super Cup bejn Hibernians u Balzan.

Filwaqt li l-kampjonat Premier, jibda nhar it-Tnejn 30 ta’ Settembru, fejn Pembroke jilgħabu kontra Zabbar u Mosta jilgħabu kontra Luqa.

Il-Ħamis 3 ta’ Otttubru jkollna l-ewwel żewġ logħbiet tan-Knock Out, fejn Maraskala jiltaqgħu kontra Żurrieq u Santa Lucia jilgħabu kontra Fgura.

Il-logħob kollu tal-futsal isir fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin.





Leave a comment