Football: Tripletta ta’ Thomas tpoġġi lil Senglea fis-semifinali

Monday, May 15, 2017, 14:13

Senglea Gunners wettqu waħda mill-akbar sorpriżi ta’ dan l-istaġun meta għelbu lillfavoriti Valletta St Pauls bl-iskor ta’ 4-2 sabiex ikkwalifikaw għas-semifinali talkompetizzjoni Knock-Out tal-MAFA.

Kienet wirja kollettiva mit-tim mill-Kottonera illi apparti illi rnexxielhom idawru r-riżultat favurihom, ħarġu aggressivi ferm fit-tieni taqsima sabiex kisbu passaġġ għal rawnd ieħor importanti f’din il-kompetizzjoni.

Fost kulħadd protagonista prinċipali f’dan il-konfront kien il-plejer Timmy Thomas illi barra li skorja hat-trick f’dan il-konfront, kien ta’ uġigħ ta’ ras kontinwa għad-difiża Beltija.

Il-Beltin illum iddiżappuntaw ferm fil-logħob tagħhom hekk kif kien mistenni ferm aktar minnhom.

Fl-ewwel parti tal-partita ftit rajna azzjonijiet lejn il-lasti rispettivi u kien fid-29 minuta illi Valletta marru fil-vantaġġ permezz ta’ Glenn Cassar sabiex daħlu jistrieħu 1-0 minn fuq.

Fit-tieni taqsima kulħadd stenna illi t-tim mill-kapitali jkomplu jamministraw ir-riżultat iżda f’ħin bla waqt Senglea Gunners ġabu l-iskor indaqs grazzi għall-gowl ta’ Christian Zammit.

Madankollu Valletta reġgħu marru minn fuq permezz tal-istess Glenn Cassar illi għaqqad doppjetta personali.

Is-Sengleani ma nħasdux minn dan il-gowl u komplew jattakkaw u hawn daħal fix-xena l-attakkant tagħhom Timmy Thomas illi f’temp ta’ sitt minuti bejn it-62 u t-68 minuta skorja tliet gowls għat-tim tiegħu meta rċieva mingħand Rayson Vella sabiex dawwar ir-rotta tal-partita u ssiġġilla r-rebħa finali ta’ 4-2.

Min-naħa l-oħra Qormi Hotspurs ukoll għaddew għal mal-aħħar erbgħa ta’ din il-kompetizzjoni meta għelbu lil Tal-Qroqq Versity bl-iskor minimu ta’ 1-0.

Kienet partita ferm bilanċjata bejn żewġ timijiet illi riedu jgħaddu għal fażi oħra ta’ Knock Out.

Filfatt l-attakkanti prinċipali taż-żewġ timijiet taw x’jagħmlu mhux ftit lid-difiżi rispettivi għalkemm l-ewwel taqsima għalqet fi dro ta’ 0-0.

Meta kollox kien jidher illi l-partita kienet se tmur għall-għoti tal-penalties, kienu Qormi illi skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa.

Kien Kyle Sultana illi fil-65 minuta b’intelliġenza għadda ballun tajjeb lejn Jacob Falzon illi kkontrolla b’lob meqjus tefa’ wara l-keeper tal-Versity sabiex poġġa lid-diriġenti żgħażagħ Qriema f’dellirju ta’ ferħ u kwalifikazzjoni ferm importanti.

B’hekk Valletta Stars, Senglea Gunners, Qormi Hotspurs u Marsa St Michael għaddew għas-semifinali li ser jintlagħbu nhar is-Sibt illi ġej fil-grawnd ta’ Santa Luċija b’dawn il-partiti:

2.30pm – Qormi Hotspurs vs Marsa St Michael

4.00pm – Valletta Stars vs Senglea Gunners





Leave a comment