Football: Tirchett ipoġġi lil Marsa fil-finali

Monday, May 22, 2017, 11:42

Il-plejer veteran Malcolm Tirchett skorja gowl drammatiku u poġġa lil Marsa St Michael fil-finali tal-MAFA KO meta kontra kull mistenni batew mhux ftit sabiex għelbu lil Qormi Hotspurs bl-iskor ta’ 2-1.

Partita illi kellha tmur għall-ħin barrani hekk kif l-iskor kien 1-1 f’logħba li kienet ikkaraterizzata minn ħames tkeċċijiet, tliet plejers għall-Marsa u tnejn għall-Qormi.

Kif għedna logħba li kien fiha minn kollox, biċ-champions preżenti illi kellhom diversi plejers neqsin mill-formazzjoni tagħhom u biż-żgħażagħ Qriema illi taw kulma kellhom tant li kienu qrib kwalifikazzjoni storika.

Il-Hotspurs, fl-ewwel staġun tagħhom fil-MAFA, ħabbtu mhux ftit lid-difiża Marsija hekk kif bdew itellgħu kontrattakki perikolużi u f’wieħed minnhom kienu huma illi marru fil-vantaġġ eżatt ma’ tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ Andy Camilleri.

Marsa dehru xi ftit maħsuda iżda ħarġu aggressivi fit-tieni taqsima għalkemm kellhom tliet plejers illi ntwerew il-karta l-ħamra mir-referi Jude Amin Utulu hekk kif Armando Gjepali, Sergey Danilov u Brian Zammit tkeċċew bit-tim ikollu jilgħab bi tmien plejers.

Anke Qormi sfaw jilagħbu b’disa’ plejers hekk kif Andy Camilleri u Jean Carl Cuschieri tkeċċew ukoll bil-logħba tintemm disgħa kontra tmienja.

Marsa baqgħu jemmnu fir-riżultat u meta kollox deher illi kienu ser jiġu eliminati rnexxielhom isibu l-gowl illi bih sfurzaw il-ħin barrani.

Kien ballun illi wasal għand Aaron Hili illi mingħajr ma qagħad jaħsibha, fajjar xutt fil-baxx għar-rokna illi l-keeper ta’ Qormi ma seta’ jilħaq qatt sabiex kiseb id-dro għat-tim tiegħu.

B’hekk il-logħba kellha tmur għall-ħin barrani u hawn Marsa dehru ferm motivati tant illi sabu x-xibka permezz ta’ Malcolm Tirchett illi b’ħeffa liema bħalha ħasad lid-difiża tal-Hotspurs sabiex ibbukkja post fil-finali għat-tim tiegħu.

Wara li saru champions matul ix-xahar illi għadda, it-tim mill-Marsa għandu ċ-ċans jirbaħ id-double jekk nhar is-Sibt jegħleb lil Senglea Gunners illi wkoll waslu sal-finali meta għelbu lil Valletta Stars bl-iskor ta’ 3-0.

Minkejja dan ir-riżultat, l-Istilel Beltin lagħbu l-logħba tipika tagħhom u kienu żvinturati f’xi okkażjonijiet illi ġewhom.

Madankollu ma nistgħux inneħħu l-mertu lil Senglea Gunners illi attakkaw bla heda fit-tentattiv illi jaslu sal-finali ta’ din il-kompetizzjoni.

L-ewwel taqsima kienet karatterizzata minn ħafna azzjonijiet lejn il-lasti rispettivi għalkemm ħadd ma rnexxielu jiskorja sabiex l-ewwel taqsima għalqet biż-żewġ timijiet fi dro ta’ 0-0.

Fit-tieni parti tal-logħba, Senglea Gunners ħarġu bħall-iljuni fit-tentattiv illi jiskorjaw u rnexxielhom jagħmlu dan fl-44 minuta meta Simon Aquilina xeħet wara l-goalkeeper ta’ Valletta Stars għallvantaġġ ta’ 1-0.

Dan il-gowl ta kuraġġ kbir lit-tim mill-Kottonera u pront skorjaw it-tieni wieħed permezz ta’ Tyron Borg wara li rċieva ballun ferm tajjeb.

Is-siġill fuq il-partita għamlu Jean Claude Cesare illi qabad lid-difiża ta’ Valletta Stars fuq sieq waħda sabiex skorja t-tielet gowl għat-tim tiegħu u tahom ukoll il-kwalifikazzjoni meritata.

Il-finali ta’ KO tal-MAFA bejn Marsa St Michael u Senglea Gunners ser tintlagħab nhar is-Sibt illi ġej fil-grawnd ta’ Santa Luċija bil-logħba tibda fl-4.00pm.





Leave a comment