Football: Penalty ta’ Thomas jpoġġi lil Senglea Gunners fis-seba’ sema

Monday, May 29, 2017, 11:14

Gowl uniku skorjat minn penalty mill-plejer Timmy Thomas kien biżżejjed sabiex Senglea Gunners jirbħu l-aħħar unur tal-istaġun tal-MAFA, dak tan-KO, meta fil-grawnd ta’ Santa Luċija huma għelbu lil Marsa St Michael bl-iskor ta’ 1-0.

B’hekk it-tim mill-Kottonera tellef lill-Marsin mid-double hekk kif aktar qabel huma kienu rebħu l-Kampjonat ta’ din is-sena.

Kienet logħba sabiħa milgħuba bi spirtu sportiv u li laħqet il-qofol tagħha fit-tieni taqsima wara li fl-ewwel waħda ftit jew xejn rajna azzjonijiet.

Il-kowċ ta’ Marsa, Malcolm Tirchett, illi fis-semifinali tal-ġimgħa l-oħra kien determinanti hekk kif skorja l-gowl tar-rebħa kontra Qormi Hotspurs, kellu jgħaddi mingħajr Sergey Danilov, Armando Gjepali u Brian Zammit illi kienu sospiżi għal din il-partita.

Min-naħa ta’ Senglea Gunners, il-kowċ Alex Farrugia, seta’ jinkludi l-aqwa formazzjoni possibbli.

Kellhom jgħaddu 10 minuti biex rajna l-ewwel azzjoni tal-logħba meta wara kross mil-lemin, kien Renie Forace illi bir-ras ra lil goalkeeper ta’ Marsa jilqa’ tajjeb.

Jirrispondu Marsa fl-20 minuta meta xutt ta’ James Shead ġie mblukkat ferm tajjeb mill-keeper ta’ Senglea Ludvic Fardell.

Bl-ewwel taqsima tagħlaq biż-żewġ timijiet dro ta’ 0-0.

It-tieni taqsima kienet iktar animata minn diversi azzjonijiet min-naħa u minn oħra tant illi fit-48 minuta, Robert Perkins ittanta xortih għal Marsa iżda Fardell reġa kien tajjeb.

Senglea Gunners bdew itellgħu kontrattakki perikolużi u fil-50 minuta Jean Claude Cesare għadda lejn Marlon Farrugia illi xxuttja fil-baxx b’Keith Brincat jilqa’ mingħajr problemi.

Fit-53 minuta, Marsa ngħataw penalty meta plejer tal-Isla waqqa lil Perkins fil-kaxxa bir-referi jindika s-sinjal għax-xutt mill-ħdax –il metru.

Inkariga ruħu minn dan ix-xutt Ricardo Severino illi ra x-xutt ċentrali tiegħu jiġi milqugħ bi bravura minn Ludvic Fardell, bejn il-lasti tal-Gunners.

Bla dubju kienet opportunita’ mitlufa għat-tim immexxi minn Malcolm Tirchett illi naqqsu illi jmorru fil-vantaġġ.

U dak li m’għamlux Marsa għamluh Senglea għax proprju fl-64 minuta, ir-referi Stefan Pace ta t-tieni penalty tal-ġurnata meta Toni Bonello deher imiss il-ballun b’idejh fil-kaxxa.

Sabiex mill-ħdax –il metru kien Timmy Thomas illi tefa’ l-goalkeeper naħa u l-ballun naħa oħra sabiex poġġa lil Senglea Gunners fil-vantaġġ.

Dan il-gowl seta’ fixkel xi ftit il-pjanijiet ta’ Marsa illi ħarġu fuq l-attakk fit-tentattiv iddisprat illi jġibu l-iskor indaqs iżda sabu lid-difiża avversarji ferm attenta u organizzata.

Anzi kienu l-Isla li resqu viċin għal darba darbtejn meta Jean Claude Cesare falla b’mod inkredibbli minn ħalq il-lasta meta xeħet barra filwaqt illi tentattiv ieħor ta’ Marlon Farrugia għal ftit ma nkwadrax il-lasta.

Sabiex mat-tisfira finali tar-referi setgħu jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-plejers mill-Kottonera illi wara d-diżappunt fil-kampjonat kellhom jagħlqu l-istaġun b’tazza ferm prestiġjuża.

Fi tmiem il-partita, il-president tal-MAFA, is-Sur Twanny Agius ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Senglea Gunners Simon Aquilina.

Riżultat finali: Marsa St Michael 0 Senglea Gunners 1

Referi kien Stefan Pace.





Leave a comment