Fondi Ewropej għal taħriġ tal-amministraturi sportivi

Tuesday, February 25, 2014, 15:10

Tiġi imwettqa wegħda elettorali oħra fil-qasam sportiv li se tkun qed tindirizza li l-amministraturi tal-klabbs sportivi Maltin jingħataw taħriġ professjonalidwar it-tmexxija tal-klabbs sportivi.

Fl-laqgħa li saret fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, fil-preżenza ta’ ‘l fuq minn mitt amministratur sportiv prospettiv, li jaħdmu mas-settur pubbliku, is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-iSport, Stefan Buontempo, semma kif għal-ewwel darba fl-istorja tal-KMS, grazzi għall-fondi miksuba mill-Unjoni Ewropea, li jammontaw €800,000, ser ikun qed jingħata taħriġ minn esperti Franċiżi f’dan il-qasam. Dawn l-amministraturi sportivi ser ikunu qed jiksbu diploma fl-amministrazzjoni sportiva, ekwivalenti għal-livell 5 fiċ-ċertifikazzjoni akkademika.

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo semma kif nofs il-parteċipanti ta’ dan it-taħriġ, ser ikollhom ukoll l-opprotunità li jmorru għal taħriġ ta’ġimgħatejn barra minn Malta, ħalli fil-prattika japplikaw dak li jkunu studjaw. Il-kors ser ikun mifrux fuq sitt xhur.

Dr Buontempo semma wkoll li tal-anqas għaxra minn dawn l-individwi ser ikunu qed jitħarrġu ħalli mis-sena d-dieħla, ikunu f’pożizzjoni li dawn jibdew iħarrġu amministraturi sportivi oħrajn Maltin. “B’hekk ser inkunu qed inwettqu l-għan tagħna li l-klabbs sportivi Maltin verament jibdew jiġu amministrati professjonalment” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll ir-rappreżentanti Franċiżi ta’ EOSE (European Observatoire of Sport and Employment) li ser ikunu qed jagħtu dan it-taħriġ.





Leave a comment