Flotta mdaqsa ttellaq fit-tellieqa Triple Handed tal-RMYC

Wednesday, June 24, 2020, 7:18

It-tneħħija tar-restrizzjonijiet tal-Covid-19 relatati ma’ attivitajiet sportivi ntlaqgħet tajjeb mill-membri tar-Royal Malta Yacht Club li kienu qed jistennew b’ħerqa li jerġgħu jibdew it-tlielaq.

L-ewwel tellieqa tal-kalendarju rivedut tal-Klabb saret il-ġimgħa li għaddiet u kienet it-tellieqa triple handed mad-dawra ta’ Kemmuna. Il-pjanijiet inizjali biex it-tellieqa ssir f’Għawdex ġew imfixkla mill-kundizzjonijiet tat-temp meta r-riħ bilkemm laħaq il-ħames mili nawtiċi.

Minħabba dan, l-Uffiċjal tat-Tellieqa Peter Dimech issuġġerixxa korsa imqassra sabiex il-baħħara setgħu jispiċċaw it-tellieqa fil-ħin mogħti lilhom.

Kien bidu bil-mod flotta mdaqqsa hekk kif telqu mill-Port ta’ Marsamxett. TonTon Laferla ta’ Jonathan Gambin kiseb vantaġġ tajjeb, vantaġġ li nżamm sad-daħla tan-nofsinhar tal-fliegu ta’ Kemmuna. Kien hemm li t-tellieqa kellha t-tieni bidu tagħha meta l-jottijiet kellhom jieqfu għal kważi ħamsa u erbgħin minuta jistennew ir-riħ biex ikomplu t-tellieqa.

Fil-fliegu, il-flotta nqasmet fi tnejn – b’uħud jagħżlu n-nofs filwaqt li oħrajn għażlu li jersqu aktar lejn l-gżira.

Otra Vez, ta’ Edward Gatt Floridia għażlu lil dan tal-aħħar. Din il-mossa rathom jsibu żiffa u b’hekk ħadu posthom fuq quddiem tal-flotta sa ma waslu lura Marsamxett. It-tieni jott li spiċċa t-tellieqa kien Xpresso ta’ Sean Borg, madankollu kien TonTon ta’ Gambin li kiseb t-tieni post fil-ħin korrett. Fil-Kategorija IRC2 kien Time Out ta’Mario Sant li ħa l-ewwel post. Id-diviżjoni tal-Cruisers RMYC, li spiċċat wara l-kumplament tal-flotta, rat lill-Kontiki ta’ Fernando Grech jieħu l-unuri, wara battalja pjaċevoli mal-jott Janissah ta’ Mario Debono.

It-tlielaq li jmiss tar-Royal Malta Yacht Club se jsiru matul it-tmiem il-ġimgħa tal-Imnarja u se jikkonsistu f’numru ta’ tlielaq qosra.  Għal aktar informazzjoni żuru www.rmyc.org.

Riżultati

IRC Class 1

L-Ewwel Post Otra Vez Edward Gatt Floridia
It-Tieni Post TonTon Laferla Insurance Jonathan Gambin
It-Tielet Post Xpresso Sean Borg


IRC Class 2

L-Ewwel Post Time Out Mario Sant
It-Tieni Post J Lance Martin Borg Nicolas
It-Tielet Post Pep Mark Camilleri


RMYC Cruisers

L-Ewwel Post Kontiki Fernando Grech




Leave a comment