Floriana u Athleta jibdew bir-rebħ

Sunday, March 10, 2013, 22:51

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA IRĠIEL – PLAYOFFS 

minn Colin Schembri

Floriana Francesco Fenech 71

Siġġiewi 61

(18-13)(12-20)(15-14)(26-14)

 

Floriana Francesco Fenech bdew l-impenji tagħhom fil-playoffs b’rebħa meta għelbu lil Siġġiewi 71-61. Floriana kellhom jiġu lura matul il-partita meta lejn nofs it-tielet sessjoni kienu 10 punti minn taħt. Wara li Siġġiewi fetħu l-partita b’basket minn Chris Meier, Floriana wieġbu bi trippla ta’ David Camilleri u baskets minn Chris Sammut u fil-ħames minuta kienu 9-6 minn fuq. Wara li Siġġiewi ġabu l-iskor indaqs bi trippla minn Alan Borg, Floriana kellhom 5 punti mingħajr risposta minn Bevan Scott Camilleri u żammew il-vantaġġ sa’ tmiem l-ewwel perjodu 18-13. Siġġiewi bdew aħjar fit-tieni sessjoni u ppareġjaw il-partita bi break qasir ta’ 6-1. Hawn kien hawn il-punti ta’ Floriana minn Dirk Schembri u Sammut pero’ Siġġiewi wieġbu b’run ta’ 11-4 biex fid-disa minuta kellhom vantaġġ ta’ 3 punti 30-27. Floriana ppareġjaw wara punti minn Matt Glass pero’ Siġġiewi għalqu s-sessjoni bi trippla minn Peter Shoults biex daħlu jistrieħu fuq       quddiem 33-30.

Wara l-intervall Siġġiewi komplew bil-mument posittiv tagħhom u fetħu bi break ta’ 10-3 bi trippli oħra ta’ Shoults u Borg. Hawn Floriana wettqu rimonta tajba meta kellhom run ta’ 12-2 bi trippla minn Camilleri u punti ta’ Glass u Schembri u għal darb’oħra ġabu l-iskor indaqs 45-45. Qabel intemmet it-taqsima kien hemm basket minn Marco Matijevic biex Siġġiewi bdew l-aħħar sessjoni b’vantaġġ ta’ basket 47-45. Floriana bdew is-sessjoni b’erba’ baskets mingħajr risposta minn Camilleri, Glass, Schembri u Scott. Matijevic waqqfilhom din ir-run b’basket però Floriana komplew jagħfsu bi trippla ta’ Glass u basket ta’ Clayton Calleja. Siġġiewi kellhom break qasir ta’ 6-0 fejn fallew ukoll tlett freethrows u naqqsu d-distakk 55-58. Glass kellhu żewġ baskets oħra għal Floriana biex reġa żiedilhom il-vantaġġ 64-57. Fl-aħħar żewġ minuti huma kellhom run oħra ta’ 7-1 biex rebħu l-partita 71-61.

           

Floriana Francesco Fenech: A. Baldacchino, B. Scott Camilleri 9, D. Camilleri 16, M. Glass 21, C. Sammut 9, I. Mercieca, C. Calleja 2, D. Schembri 14, S. Saakian.

Siġġiewi: N. Falzon, P. Shoults 9, E. Xuereb 6, C. Agius, A. Borg 6, D. Ross, C. Meier 26, A. Fekete, M. Matijevic 14.

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani, Steve Gouder.

 

A to Z Electronics Athleta 68

Pavi Depiro 64

(18-23)(13-13)(19-12)(18-16)

 

Fit-tieni semifinali c-champions A to Z Electronics Athleta ħadu l-ewwel vantaġġ fuq Pavi Depiro meta wara li wettqu rimonta u rebħu l-partita 68-64. Għall- Athleta kien hemm ir-ritorn importanti ta’ Michael Naudi li minkejja li ilhu ħafna nieqes mil-logħob wera li jista’ jkun importani ħafna fil-ġlieda għar-rebħ tal-kampjonat. Wara basket inizzjali minn Kristin Baldacchino għall- Athleta, Depiro kellhom run ta’ 8-2 bil-punti ta’ Shawn Morgan u Roderick Vella u marru minn fuq. Steve Schembri għamel trippla favur ic-champions qabel ma Isaac Tanti u Morgan kellhom żewġ baskets oħra għal Depiro. Athleta ħadu l-vantaġġ wara run ta’ 9-2 b’punti minn Marko Todorovic pero’ Depiro kellhom l-aħjar tmiem għas-sessjoni b’iktar punti minn Vella fosthom trippla, Tanti u Morgan biex temmew is-sessjoni 23-18 minn fuq. Depiro żammew il-vantaġġ anke matul it-tieni perjodu bl- Athleta jagħmlu żbalji fid-difiża flimkien ma’ xi turnovers biex Depiro għamlu run ta’ 10-2 u fetħu vantaġġ ta’ 10 punti 35-25. Athleta rnexxielhom jirkupraw xi ftit minn dan l-iżvantaġġ wara punti konsekuttivi minn David Bugeja biex fl-intervall Depiro kienu 5 minn fuq 36-31.

Wara l-intervall Depiro fetħu bi trippla minn Vella qabel ma Athleta kellhom tlett baskets konsekuttivi minn Naudi, Baldacchino u Todorovic. Depiro wieġbu bi trippla minn Andrew Aquilina però aktar punti minn Naudi u Bugeja raw lil Athleta jaslu sa punt ‘l bogħod 46-47. Athleta rnexxielhom jieħdu l-vantaġġ sa’ tmiem is-sessjoni wara basket ta’ Schembri għal skor ta’ 50-48. Il-bidu tar-raba’ sessjoni kien missielet biż-żewġ timijiet iwieġbu lil xulxin kważi tul il-perjodu kollhu. Fil-fatt l-ikbar distakk kien ta’ 3 punti wara żewġ baskets minn Todorovic. Depiro ħadu vantaġġ fit-tmien minuta 61-60 wara basket minn Morgan però fid-disa’ minuta Schembri għamel trippla li tat vantaġġ ta basket lic-champions 65-63. Morgan għamel freethrow minn tnejn biex Depiro baqgħu punt minn taħt u fl-attakk ta’ wara Naudi għamel basket għall- Athleta. Depiro għajtu time-out però ma rnexxielhomx isalvaw il-partita biex Athleta għamlu l-ewwel pass fuq skor finali ta’ 68-64.

 

A to Z Electronics Athleta: M. Naudi  11, D. Bugeja 11, M. Todorovic 21,  M. Giusti, E. Bezzina, O. Said 4, S. Pace, W. Spiteri, K. Baldacchino 8, S. Bischoff 2, S. Schembri 13.

Pavi Depiro: R. Vella 14, N. Sultana 8, K. Kun, A. Aquilina 3, A. Portelli 2, D. Agius 2, E. Lupo, M. Mallia, I. Tanti 7, S. Morgan 28.

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani, Clive Terribile.

 

 

Il-programm tal-play-offs li fadal huwa kif ġej:

 

Il-Ħadd 17 ta’ Marzu – 13:00 – Pavi Depiro vs A to Z Electronics Athleta (2)

Il-Ħadd 17 ta’ Marzu – 16:30 – Siġġiewi vs Floriana Francesco Fenech (2)

Il-Ħadd 24 ta’ Marzu – 13:00 – Floriana Francesco Fenech vs Siġġiewi (3)

Il-Ħadd 24 ta’ Marzu – 16:30 – A to Z Electronics Athleta vs Pavi Depiro (3)





Leave a comment