Floriana MCP Car Parks lura għar-rebħ

Monday, December 3, 2018, 17:31

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 68

Hibernians 79

(19-19)(12-19)(20-23)(17-18)

Ic-champions Hibernians irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Gżira Athleta 79-68 biex tawhom it-tielet telfa tal-kampjonat. Athleta għadhom b’Peter Shoults mhux f’sikktu mija fil-mija fil-waqt li l-Amerikan Carson Shanks mhux qiegħed juri l-logħob mistenni minnhu. Il-coach Sasa Dimitrijevic għażel għal darb’oħra li jħalli fuq il-bank lis-Serb Ivan Mitrovic għal partita kollha. Hibs kienu bil-formazzjoni kompluta tagħhom bil-coach Mario Tabone jkollhu għażla vasta speċjalment taħt il-basket. Wara li Hibs għamlu l-ewwel żewġ baskets, Athleta kellhom risposta bi break ta’ 9-0 bil-punti konsekuttivi ta’ Kwame Thompson. Għal Hibs kien hemm risposta minn Chad Patus flimkien ma’ Luca Tardito u Anton Axiaq biex reġgħu marru minn fuq iżda baskets tal-Amerikani Vincent Pace u Thompson ippareġjaw l-iskor għall-Athleta 19-19. Fit-tieni taqsima, Hibs bdew jinqatgħu bil-mod mill-avversarji hekk kif Ivan Demcesen beda jsib spazju taħt il-board u għalkemm Athleta kellhom il-baskets minn Matthew Gouder, Shoults u Thompson fl-intervall ic-champions kienu 38-31 minn fuq.

Fit-tielet taqsima, Hibs komplew fejn ħallew hekk kif għamlu break qasir ta’ 9-2 fosthom trippla ta’ Alvaro Lizaur. Athleta rrispondew permezz ta’ Shanks u Nathan Xuereb biex naqqsu d-distakk għal sitt punti. Hibs għamlu run oħra ta’ 10-2 biex temmew il-perjodu 10 minn fuq 61-51. Fl-aħħar sessjoni kien hemm it-trippli ta’ Patus u Vella għal Hibs biex huma fetħu vantaġġ massimu ta’ 15 –il punt 75-60 u baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem biex ħarġu rebbieħa 79-68.

Gżira Athleta: M. Gauchi Montaldo, P. Shoults 2, L. Stefanovic, A. Perunicic 4, N. Xuereb 4, M. Gouder 5, K. Thompson 29, V. Pace 18, I. Mitrovic, C. Shanks 6.

 

Hibs: R. Vella 7, P. Attard, K. Sultana, L. Farrugia 2, M. Formosa, I. Bonett, L. Tardito 7, A. Axiaq 5, M. Matijevic 2, A. Lizaur 13, I. Demcesen 17, C. Cuschieri Patus 26.

Referees: Tuomas Mantere, Kamil Dvorniczak, Daniella Torok.

Depiro 83

Balkan Fusion 70

(21-15)(21-13)(27-25)(14-17)

Depiro kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Balkan Fusion 83-70 fejn it-team tal-Balkani minkejja n-nuqqas qawwi ta’ players li kellhom taw wirja sodisfaċenti. Forsi Depiro niżlu b’mentalita ta’ partita faċli però huma kellhom jistennew sal-aħħar sessjoni biex iserrħu rashom mir-rebħa finali. Balkan kellhom biss seba’ players għal din il-partita hekk kif kienu mingħajr Nikola Andrejevic u Bogdan Mrkojevic. Biex tkompli tiġijhom ħażina tilfu wkoll lit-twil Dalibor Micic wara li tkeċċa b’żewġ technical fouls. Kienu Balkan li ħadu l-ewwel vantaġġ hekk kif fetħu l-partita bi three pointers minn Nikola Bozovic u Nicola Vasovic u marru 8 minn fuq 12-4. Wara time-out, Depiro rkupraw u għamlu run ta’ 17-3 b’diversi punti ta’ Jack Nygaard flimkien ma’ Trent Steen biex għalqu s-sessjoni 21-15. Fit-tieni sessjoni Depiro komplew b’seba’ punti mingħajr risposta hekk kif tkeċċa Micic. Huma kellhom ukoll it-three pointers minn Nygaard u Omar Said b’Vasovic u Bozovic iwieġbu għal Depiro għal skor ta’ 42-28.

Wara l-intervall, kien hemm punti fuq kull naħa biex Depiro baqgħu 11 fuq quddiem 46-35. Depiro  komplew b’run ta’ 10-0 b’żewġ trippli ta’ Nygaard  però hawn wasal mument tajjeb għal Balkan meta għamlu run ta’ 13-4 b’diversi punti ta’ Patrick Walk u Bozovic li kellhu wkoll trippla biex naqqsu d-distakk 48-60. Depiro wieġbu permezz ta’ Steen u Adam Chomo biex temmew is-sessjoni 69-53 minn fuq. Fl-aħħar perjodu Balkan kellhom break ieħor tajjeb ta’ 11-3 hekk kif Vasovic beda jsib il-basket b’aktar faċilita u huma waslu sa’ 8 punti ‘l bogħod 66-74. Depiro rkupraw u kisbu l-punti permezz tal-Amerikani Steen u Keshaun Hamilton biex rebħu l-partita 83-70.

Depiro: T. Steen 21, K. Hamilton 15,J. Attard, D. Farrugia, A. Attard,M. Brincat, A. Aquilina 2, N. Grech 4, O. Said 3, J. Nygaard 31, M. Borg, A. Chomo 7.

 

Balkan Fusion: N. Bozovic 25, N. Vasovic 27,   P. Walk 8, A. Schembri 6, D. Micic 2, N. Kovacevic 2, J. Caruana.

Referees: Nicky Azzopardi, Daniella Torok, Charles Pollet

Floriana MCP Car Parks 75

Bupa Luxol 70

(24-20)(16-17)(20-15)(15-18)

Floriana MCP Car Parks ukoll irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil BUPA Luxol

Ritratt: Wally Galea

75-70 f’partita missielta biex issa l-vjola ħadu t-tieni telfa konsekuttiva. Floriana kellhom nieqes lil Clayton Calleja u fil-waqt li Luxol irkupraw lil CJ Cordina u lil Keith Dimech b’dan tal-aħħar jirritorna minn injury. Kif mistenni l-partita kellha bidu bilanċjat għalkemm kienu Luxol li ħadu l-ewwel vantaġġ wara three pointers minn JP Schembri u punti ta’ Vukassin Jandric u Filip Sekulic. Floriana kellhom il-punti tal-Amerikan Ian Theisen flimkien ma’ trippli minn Kurt Xuereb u Ignacio Arias biex temmew l-ewwel sessjoni 24-20 min fuq. Fit-tieni perjodu Luxol kellhom punti konsekuttivi minn Jandric biex għamlu l-iskor indaqs 26-26. Huma marru minn fuq wara trippla ta’ William Ahlberg però Theisen baqa’ jagħmel il-punti speċjalment mill-offensive rebounds biex kienu Floriana li daħlu jistrieħu minn fuq 40-37.

Fit-tielet sessjoni wasal possibilment l-aħjar mument Furjaniż fil-partita meta wara li għal tlett darbiet Luxol waslu sa’ punt minn taħt, il-Furjaniżi għamlu run ta’ 10-0 biex fetħu vantaġġ b’figuri doppji 58-47. Wara baskets ta’ Jandric għal Luxol, Floriana għalqu s-sessjoni bil-punti ta’ David Bugeja għal skor ta’ 60-52. Fl-aħħar sessjoni Luxol tħabtu biex jerġgħu jersqu viċin u three pointers minn Stefan -Capello, Jandric u Sekulic flimkien ma’ punti ta’ Cordina rawhom inaqqsu d-distakk għal 4 punti 67-71. Huma kellhom ukoll trippla oħra minn Cordina però l-ħin kien kontra tagħhom u Floriana għalqu l-partita bi free-throws ta’ Bugeja u ħarġu rebbieħa 75-70.

Floriana MCP Car Parks: S. Pace 3, D. Bugeja 14, I. Arias 5, S. Borg, K. Caruana 2, K. Liivamangi 4, I. Thiesen 30, K. Xuereb 3, G. Hulsen 14, D. Agius.

 

Bupa Luxol: CJ Cordina 7, V. Jandric 26, P. Engelbert, L. Caruana Montaldo, JP Schembri 6, K. Dimech, W. Ahlberg 7, F. Sekulic 17,  S. Cappello 7.

Referees: Tuomas Mantere, Kamil Dworniczak, Malek Hraisha





Leave a comment