Floriana MCP Car Parks it-tieni finalisti

Monday, April 10, 2017, 18:29

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

minn Colin Schembri

Cynergi Depiro 62

Floriana MCP Car Parks 63

(17-19)(17-18)(10-9)(18-17)

Is-serje tas-semi-finali bejn Cynergi Depiro u Floriana MCP Car Parks ġiet fi tmiemha b’partita drammatika u missielta li finalment marret favur it-team Furjaniż b’rebħa minima 63-62 biex issa l-finali għar-rebħ tal-kampjonat se tkun bejn Bupa Luxol u Floriana MCP Car Parks. Partita li offriet minn kollox fejn il-vantaġġ bidel l-idejn għal diversi drabi u baqgħet inċerta sat-tmiem. Fil-fatt Depiro kellhom il-pussess fl-aħħar sittax –il sekonda però ma sabux il-basket tar-rebħa. Deċiżjoni kontroversjali ikkarateriżżat tmiem il-partita meta fl-aħħar 57 sekonda kien imsaffar foul tekniku fuq il-player Amerikan DJ Mason fejn wara li kellhu travelling imsaffar kontrieh neħħa l-band minn ma’ rasu u deher jitfaha fid-direzzjoni tal-bank tiegħu stess. Dak li deher ġest ta’ frustrazzjoni ġie nterpretat bħala ġest ta’ protesta u ġie mogħti t-technical foul u l-Amerikan spiċċa fouled out. Depiro kienu mingħajr Alvaro Queiros u posthu ħadu Steve Sammut waqt li Floriana għal darb’oħra kellhom nieqsa lil Shawn Pace u lil Sean Borg bil-coach Mario Tabone lura fuq il-bank wara sospensjoni. Floriana marru fuq quddiem bil-punti ta’ Anton Axiaq u Nikola Vasovic. Depiro wieġbu b’żewġ three pointers minn Andrew Aquilina u Dominic Scafidi pero Floriana wkoll kellhom it-trippli minn Chad Patus biex temmew l-ewwel sessjoni basket minn fuq 19-17. Fil-ftuħ tat-tieni perjodu, Depiro dawwru l-iskor bil-punti ta’ David Bugeja u trippla ta’ Mason. Floriana reġgħu ħadu l-vantaġġ bi break ta’ 11-4 bil-punti ta’ Axiaq u Vasovic flimkien ma’ Patus u Nick Andrejevic. Depiro resqu viċin bil-punti ta’ Kurt Xuereb però punti ta’ Dirk Schembri ħallew lil Floriana fuq quddiem fil-halftime 37-34.

It-tielet sessjoni kienet nieqsa mill-punti bit-tensjoni tinbena sew fuq iż-żewġ naħat. Three pointers ta’ Robert Bonnici u Mason ħallew lil Depiro viċin għalkemm Floriana wieġbu permezz ta’ punti minn Schembri u Vasovic. Baket ta’ Bugeja ressaq lil Depiro basket minn taħt qabel tmiem is-sessjoni 46-44. L-aħħar taqsima fetħet bi trippla fuq kull naħa minn Aquilina u Patus. Depiro marru fuq quddiem b’żewġ three pointers ta’ Bugeja 55-51. Floriana wieġbu b’żewġ baskets ta’ Schembri u ġabu l-iskor indaqs. Għal darbtejn Depiro ħadu vantaġġ ta’ basket. Wara l-ħames foul ta’ Mason Bugeja poġġa lil Depiro punt minn fuq 62-61 bi Floriana jwieġbu b’żewġ free-throws ta’ Patus li finalment kienu l-punti li tawhom ir-rebħa hekk kif Depiro ma rnexxielhomx jagħmlu l-basket tar-rebħa fl-aħħar sittax –il sekonda u Floriana rebħu l-partita 63-62 biex għaddew ghall-finali.

Cynergi Depiro: N. Grech, D. Bugeja 19, R. Bonnici 5, D. Schembri, A. Aquilina 7, DJ Mason 18, T. Zammit, M. Mallia, S. Sammut, K. Xuereb 8, M. Borg, D. Scafidi 5.

Floriana MCP Car Parks: C. Patus 23, D. Schembri 10, D. Agius, N. Vasovic 13, C. Calleja 2, A. Axiaq 13, A. Micallef Trigona, N. Andrejevic 2.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Ivica Simic

Programm tal-finali:

Is-Sibt 15 t’April: 16:30: Bupa Luxol vs Floriana MCP Car Parks

L-Erbgha 19 t’April: 19:30: Floriana MCP Car Parks vs Bupa Luxol

Il-Ħadd 23 t’April: 16:30: Bupa Luxol vs Floriana MCP Car Parks

Is-Sibt 29 t’April: 16:30: Floriana MCP Car Parks vs Bupa Luxol

It-Tnejn l-1 ta’ Mejju: 16:30: Bupa Luxol vs Floriana MCP Car Parks

Ritratt: Wally Galea





Leave a comment