Floriana jibqgħu fuq quddiem
Sunday, July 28, 2013, 9:24minn Stephen Azzopardi
Tkompla l-logħob minn Grupp B tal-AME Cup fil-grawnd tas-Sirens f’San Pawl il-Baħar, b’żewġ logħbiet oħra. L-ewwel waħda fil-programm kienet dik bejn Floriana u Rabat Ajax, fejn Floriana żiedu tliet punti oħra mat-tlieta li diġa’ kellhom.
Għal Floriana ddebuta magħhom il-gowler Furjaniż, eks Rabat Ajax, Sean Mintoff li kellu prestazzjoni tajba. Għal Floriana lagħab ukoll il-plejer internazzjonali Malti Daniel Bogdanovic li ħadem ħafna u qabel ħafna ma’ shabu fit-tim, b’mod speċjali ma’ Christian Caruana.
Kienu Floriana li fetħu l-iskor meta fl-44 minuta twaqqa’ Pinheiro De Souza fil-kaxxa u b’hekk ir-referee ordna l-penalty. Kien għalhekk li Gary Roberts għeleb lil-gowler Rabti, Leonardo Ostricati. Fil-bidu tat-tieni taqsima, fil-ħames minuta Floriana reġgħu skurjaw din id-darba permezz ta’ Daniel Bogdanovic. Żewġ minuti biss wara Pinheiro De Souza għamilhom tlieta għal Floriana. Rabat naqqsu l-iskor meta fit-13 –il minuta ġie ordnat penalty għalihom u Daniel Pelaez ma falliex mill-11 –il metru. Fl-aħħar 18 –il minuta, Floriana kellhom jilgħabu b’raġel anqas meta Christian Caruana rċieva t-tieni karta safra u għalhekk ġie mkeċċi.
Il-logħba ntemmet b’riżultat finali, Floriana għelbu lil Rabat Ajax 3-1. Floriana għalhekk baqgħu f’ras il-grupp b’ 6 punti.
