Floriana jibdew bil-kbir fl-AME Cup 2013

Tuesday, July 23, 2013, 10:30

minn Stephen Azzopardi

Tkompliet it-tieni edizzjoni tal-AME Cup b’żewġ logħbiet oħra minn Grupp B, fejn fl-ewwel partita, Floriana għelbu lil Vittoriosa Stars bl-iskor kbir ta’ 5-1.  Floriana minkejja li kellhom neqsin lil Daniel Bogdanovic u Igor Coronado xorta kienu tajbin u wrew superjorita fiżika u tattika.  L-akkwisti ġodda dehru li daħlu sew mal-bqija tal-iskwadra Furjaniża.

Kienu Floriana li fetħu l-iskor meta fil-15 –il minuta, twaqqa’ Juan Carlos Vieira Peixoto fil-kaxxa u r-referee Kevin Azzopardi ordna l-penalty.  Kien għalhekk Gary Roberts li mill-11 –il metru għeleb lil gowler u poġġa lil Floriana fil-vantaġġ.  Erba’ minuti biss wara kien Diego Pineira De Souza li għamilhom 2-0.  Floriana baqgħu ġejjin meta fit-33 minuta Gary Roberts b’doppjetta personali għamilhom 3-0.  Minuta biss mit-tmiem tal-ewwel taqsima reġa kien De Souza li kompla kabbar il-vantaġġ għal 4-0.

Wara l-mistrieħ Floriana baqgħu bl-istess ritmu tal-ewwel taqsima.  Fl-54 minuta għat-tielet darba De Souza reġa għeleb lil gowler Jean Matthias Vella.  Għaxar minuti mit-tmiem Vittoriosa skurjaw l-gowl tal-bandiera permezz tas-sostitut Adam Spiteri.  Għalhekk skor finali Floriana għelbu lil Vittoriosa Stars 5-1.





Leave a comment