Floriana jegħlbu lil Athleta wara partita stupenda

Monday, January 26, 2015, 16:07

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA IRĠIEL

minn Colin Schembri

Bupa Luxol 78

Remax Citadel Siġġiewi 57

(24-13)(21-8)(15-18)(18-18)

Bupa Luxol kisbu t-tielet rebħa tal-kampjonat kontra Remax Siġġiewi Citadel biex żammew posthom fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika. Siġġiewi kellhom wirja pjuttost diżappuntanti fejn ħafna aktar kien mistenni speċjalment mill-Amerikan Rashanti Harris li flimkien ma’ Steve Sammut kellhom partita kwieta. Il-partita bdiet bil-Luxol jiftħu tajjeb speċjalment bit-three pointers u fl-ewwel erba’ minuti kienu diġa 14-1 minn fuq hekk kif CJ Cordina kellhu żewġ trippli flimkien m’oħrajn minn Jean Paul Schembri u l-Amerikan Thomas Staton. Schembri kompla jżid il-vantaġġ ta’ Luxol għalkemm Siġġiewi kellhom ir-risposta bil-punti ta’ Adrian Micallef li wkoll kellhu three pointer. Il-punti ta’ Luxol komplew ġejjin bi trippla oħra ta’ Staton biex huma temmew l-ewwel taqsima 24-13 minn fuq. Siġġiewi għamlu l-ewwel basket tat-tieni sessjoni però Luxol malajr wieġbu b’run ta’ 10-0 biex kabbru d-distakk għal 19 –il punt 34-15. Harris kellhu basket ieħor iżda Staton u Cordina wieġbu għal Luxol biex huma daħlu jistrieħu 45-21 minn fuq.

Fil-ftuħ tat-tielet sessjoni l-punti naqsu xi ftit fuq iż-żewġ naħat hekk kif Luxol tilfu lil Schembri li tkeċċa. Siġġiewi kellhom sinjal ta’ rimonta bi tlett baskets konsekuttivi però kienu għadhom 20 minn taħt u Luxol wieġbu bil-baskets ta’ Staton u Jamie Willoughby. Ryan Carabott u Billy Zammit kellhom three pointer kull wieħed għal Siġġiewi iżda punti minn Staton u Stefan Capello raw lil Luxol itemmu t-taqsima 60-39 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni kien hemm aktar punti minn Staton għal Luxol bi trippla oħra. Siġġiewi kellhom il-punti ta’ Micallef però fl-ebda ħin ma wrew li setgħu jsalvaw il-partita biex Luxol ħarġu rebbieħa 78-57.

Bupa Luxol: CJ Cordina 16, A. Portelli 2, J. Willoughby 4, JP Schembri 10, N. Andrejevic, S. Visser, T, Staton 39, A. Micallef Trigona 2, JP Bonnici 2, S. Capello 3.

Remax Citadel Siġġiewi: B. Zammit 7, JP Antoncic, S. Sammut 2, M. Casar, M. Matijevic 4, R. Carabott 7, A. Micallef 20, B. Bartolo, R. Harris 17, M. Mallia.

Referees: Emanuel Mangani, Clive Terribile, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Floriana Cafè Del Mar 118

AtoZ Electronics Athleta 113      

(20-23)(17-19)(22-12)(15-20) Ħin barrani (12-12)(14-14)(7-7)(11-6)

 F’partita nkreddibli, Floriana Cafè Del Mar taw l-ewwel telfa lic-champions AtoZ Electronics Athleta wara erba’ sessjonijiet ta’ ħin barrani. Din il-partita se tibqa’ stampata fil-memorja ta’ dawk kollha li kienu preżenti fil-padiljun u se tibqa mniżżla fl-istorja bħala waħda mill-itwal partiti li qatt kien hawn fil-basketball lokali. Ħasra li team kellhu joħroġ tellief wara partita stupenda bħal din però fl-isports xi ħadd irid jerbaħ u xi ħadd irid joħroġ tellief u kienu Floriana li rebħu din il-partita 118-113. Floriana kienu bil-formazzjoni kompluta tagħhom għalkemm Dirk Schembri ma ħax sehem fil-partita fil-waqt li Athleta kellhom nieqes lil Isaac Tanti u n-nuqqas tiegħhu inħass għaliex il-coach Joe Galea ftit setgħa jagħmel tibdil. Diffiċli li wara partita bħal din li titkellem dwar prestazzjoni ndividwali però l-Amerikan ta’ Floriana Mark Henniger kellhu wirja stupenda b’46 punt, 31 rebound li 17 minnhom kienu fl-attakk u minnhom saru 22 punt u 6 blocks. Il-partita kellha bidu bilanċjat bl-Athleta jmorru 10-7 minn fuq fil-ħames minuta 10-7 wara l-punti ta’ Chad Patus, Omar Said u Michael Naudi. Floriana wieġbu bil-punti ta’ Lee Ross li kellhu wkoll trippla u marru minn fuq. Athleta wkoll kellhom it-trippli tagħhom minn Said, Patus u Andrew Aquilina. Clayton Calleja u Patus kellhom żewġ baskets kull wieħed biex Athleta temmew is-sessjoni 23-20 minn fuq. Athleta għamlu l-ewwel żewġ baskets tat-tieni perjodu flimkien mal-punti ta’ Roderick Vella fosthom trippla. Għal Floriana kien hemm il-punti ta’ Nikola Vasovic, Calleja u Henniger biex naqqsu d-distakk 30-33. Patus kellhu trippla oħra għall-Athleta però Floriana rrispondew bil-punti ta’ Nigel Sultana u Ross u fl-intervall Athleta kienu 5 minn fuq 42-37.

Fit-tielet sessjoni l-baskets bdew ġejjin fuq kull naħa fl-ewwel minuti hekk kif kienu Floriana li għamlu l-ewwel tnejn minn Ross u Henniger. Sa’ nofs is-sessjoni, Athleta kienu għadhom 3 minn fuq 50-47 iżda hawn Floriana kellhom run ta’ 12-0 li bdewha bi trippla ta’ Ross biex marru fuq quddiem u Floriana għalqu s-sessjoni 59-54 minn fuq.  Fl-aħħar sessjoni Floriana żammew il-vantaġġ sar-raba’ minuta 65-61 qabel ma Athleta kellhom sitt punti konsekuttivi. David Camilleri kellhu trippla għal Floriana li reġgħu marru erba’ minn fuq pero Athleta kellhom il-punti ta’ Said biex ippareġjaw il-partita 74-74.

Fil-ħin barrani Athleta ħadu l-ewwel vantaġġ bil-punti ta’Patus u trippla ta’ Vella. Vasovic kellhu żewġ three pointers għall-Floriana imma Athleta marru fil-vantaġġ wara free-shots. Fl-aħħar 2 ta’ Floriana, Ross għamel l-ewwel wieħed, iżda tilef it-tieni, però pront kien Henniger li ħa l-offensive rebound u skorja u timijiet kienu pari mill-ġdid 86-86. Floriana reġgħu marru fuq quddiem 91-89 iżda Naudi u Patus bi trippla taw vantaġġ ta 3 punti lill-Athleta. Kien Vasovic li għal darb’oħra bi trippla ġab l-iskor indaqs u wara 2 punti fuq kull naħa l-partita marret għat-3 perjodu ta’ ħin barrani fuq skor ta’ 100-100. Fit-tielet taqsima ta’ ħin barrani, kien hemm seba’ punti fuq kull naħa minn Vasovic u Henniger għall-Floriana u Patus u Naudi għall-Athleta. Il-logħba ma spiċċatx hekk kif reġa’ kien hemm parita 107-107. Ir-raba’ sessjoni ta’ ħin barrani fetħet bi trippla ta’ Vella għall-Athleta iżda Henniger u Clayton Calleja bi trippla fetħu erba punti vantaġġ għal Floriana 115-111. Kien hemm basket minn Matthew Gouder għall-Athleta iżda Ross u Calleja għamlu l-free-throws finali tagħhom u Floriana rebħu din il-logħba inkredibbli 118-113

Floriana Cafe Del Mar: M. Henniger 46, D. Camilleri 6, N. Sultana 11, S. Borg 1, L. Ross 23, N. Vasovic 19, C. Calleja 12, D. Schembri, S. Detemmermann, O. Shamala, D. Agius.

A to Z Electronics Athleta: M. Naudi 25, R. Vella 14, F. Mifsud Bonnici, C. Patus 34, A. Aquilina 12, M. G. Montaldo, O. Said 24, M. Gouder 4, I. Tanti.

Referees: Bernard Vassallo, Clive Terribile, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Pavi Depiro 66

Cynergi Virtus 90

(20-25)(15-25)(12-19)(19-21)

Cynergi Virtus kisbu t-tielet rebħa tal-kampjonat kontra Pavi Depiro 90-66. Depiro bdew tajjeb u żammew il-pass mall-avversarji għal xi ħin imma mall-ħin Virtus żiedu s-superjorità tagħhom. Virtus kellhom nieqes lil Peter Shoults fil-waqt li Depiro rkupraw lil Samuel Zammit. Depiro marru quddiem għal erba ‘darbiet fil-bidu tal-logħba wara punti minn Timothy Zammit u ta ħuh Samuel. Virtus wieġbu b’punti minn David Bugeja u Robert Bonnici. Marco Todorovic żamm lil Depiro fuq quddiem iżda Virtus kellhom żewġ trippli minn Mike Bruesewitz biex temmew is-sessjoni 25-20 quddiem. Wara l-ewwel basket Todorovic għal Depiro fit-tieni sessjoni, Virtus għamlu run ta’ 15-2 run b’żewġ three pointers ta’ Shawn Pace. Depiro kellhom trippla oħra ta’ Zammit iżda Bruesewitz kompla bil-punti tiegħu għal Virtus u fl-intervall kienu 15 -il punt minn fuq 50-35.

Fit-tielet perjodu, Virtus kellhom aktar trippli minn Bruesewitz u Ivan Buldakov. Depiro kellhom tlett baskets konsekuttivi iżda minn Todorovic u Sassoun Saakian. Virtus temmew is-sessjoni bi breakieħor ta’ 7-2 run għal punteġġ ta’ 69-47. Virtus kellhom break ieħor ta’ 10-2 fil-bidu tal-aħħar sessjoni bi trippla oħra ta’ Bruesewitz. Todorovic kompla jirrispondi għal Depiro flimkien ma’ Saakian. Virtus lagħbu l-aħħar minuti biż-żgħażagħ tagħhom. L-aħħar punti ta’ Virtus ġew minn Thomas Grech qabel l-aħħar break ta’ 6-0 minn Todorovic biex Virtus rebħu l-logħba 90-66.

Pavi Depiro: J. Attard, D. Farrugia, D. Schembri R. Rizzo T. Zammit 4, N. Grech, M. Todorovic 47, R. Zammit, S. Zammit 6, K. Xuereb 3, M. Borg, S. Saakian 6.

Cynergi Virtus: S. Pace 10, D. Bugeja 13, R. Bonnici 8, T. Grech 2, A. Schembri, M. Bruesewitz 46, A. Felice Pace, A. Axiaq 4, I. Buldakov 7, G. Coleiro, M. Falzon, F. Bartolo.

Referees: Emanuel Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic, Luis Abuin.

 

Klassifika Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

Team Logħob Rebħ Telf Punti Favur Kontra
AtoZ Electronics Athleta

4

3

1

7

350

297

Bupa Luxol

4

3

1

7

309

281

Floriana Cafe Del Mar

4

2

2

6

341

327

Virtus Basket

3

2

1

5

228

223

Remax Siġġiewi Citadel

3

1

2

4

185

210

Pavi Depiro

4

0

4

4

277

352





Leave a comment