Floriana Francesco Fenech Champions ġodda

Sunday, April 28, 2013, 23:15

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA IRĠIEL – FINALI

minn Colin Schembri

Floriana Francesco Fenech 74

A to Z Electronics Athleta 71

(13-18)(16-18)(25-17)(20-18)

Floriana Francesco Fenech huma c-champions il-ġodda tal-basketball Malti hekk kif fil-ħames logħba tal-finali tal-kampjonat Bank of Valletta għelbu lil A to Z Electronics Athleta 74-71. Dan kien l-ewwel unur ta’ Floriana fl-għola livell tal-basketball lokali sa’ mit-twaqqif tagħhom 35 sena ilhu u wasal wara investiment qawwi li għamlu f’dawn l-aħħar sentejn hekk kif żewġ staġuni ilhu rebħu l-kampjonat tat-tieni diviżjoni. Il-partita ntlagħbet quddiem padiljun ippakjat u fil-preżenza tal-Onorevoli Stefan Buontempo, Segretarju Parlamentari tal-Isport. Athleta, li kienu ġejjin mir-rebħ ta’ żewġ kampjonati konskuttivi baqgħu jissieltu sal-aħħar sekondi u fl-aħħar tlett minuti wettqu rimonta stupenda li setgħet terġa ttijhom it-titlu però basket ta’ Dirk Schembri eżatt malli marru fuq quddiem, temmilhom it-tamiet. Kienu Floriana li ħadu l-ewwel vantaġġ tal-partita u f’nofs l-ewwel sessjoni kienu 9-6 minn fuq. Athleta wieġbu bil-punti ta’ Marco Todorovic u David Bugeja però Schembri u Matt Glass reġgħu poġġew lil Floriana minn fuq 13-12. Fl-aħħar żewġ minuti kien hemm il-punti ta’ Todorovic u Omar Said biex Athleta temmew is-sessjoni 5 minn fuq 18-13. Huma żiedu l-vantaġġ kif bdiet it-tieni taqsima bil-punti ta’ Michael Naudi bil-Floriana jirrispondu bi trippla ta’ BevanScott. Todorovic għamel żewġ baskets oħra flimkien ma’ basket minn Kristin Baldacchino hekk kif għal Florian kien Scott li kompla jagħmel il-punti. Fis-seba’ minuta trippla ta’ Said rat lil Athleta jiftħu vantaġġ ta’ 8 punti 29-21. Wara freethrows minn Sassoun Saakian, Bugeja wkoll kiseb three pointer u l-vantaġġ tal-Athleta kompla jikber. Floriana wieġbu bil-punti ta’ Glass u trippla ta’ Ian Mercieca però fl-intervall Athleta kienu għadhom sebgħa minn fuq 36-29.

Wara l-mistrieħ Floriana ħarġu aktar agressivi u bil-punti ta’ Glass u Chris Sammut li kellhu partita mill-aqwa naqqsu d-distakk għal 3 punti 37-40. Athleta bdew isibu diffikulta fl-attakk u Floriana kisbu break ta’ 9-2 b’żewġ trippli ta’ Scott u marru 4 minn fuq 51-47. Athleta reġgħu ħadu l-vantaġġ wara baskets minn Todorivic u Bugeja 52-51 però Sammut għamel trippla biex sa’ tmiem is-sessjoni Floriana marru punt minn fuq 54-53. Floriana bdew l-aħħar sessjoni bi break ieħor ta’ 8-0 b’żewġ three pointers minn Mercieca u Sammut u fetħu vantaġġ ta’ 9 punti 62-53. Ir-risposta tal-Athleta ġiet minn Steve Schembri b’żewġ baskets konsekuttivi però Floriana reġgħu għamlu break ieħor ta’ 8-0 bi trippli minn Sammut u David Camilleri. Issa Floriana kellhom vantaġġ ta’ 13 –il punt 70-57 u l-partitarji numerużi tagħhom kienu diġa bdew jiċċelebraw. Hawn ħareġ l-aħħar u l-aħjar sforz minn Athleta mmexxija minn Schembri u għamlu run qawwija ta’ 14-0 biex b’inqas minn 30 sekonda għat-tmiem marru punt minn fuq 71-70. Fl-attakk li segwa Dirk Schembri għamel il-basket li reġa poġġa lil Floriana minn fuq u l-aħħar tentattiv ta’ ħuh Steve in-naħa l-oħra ma daħalx biex Floriana għalqu l-partita bil-freethrows ta’ Camilleri u rebħu l-partita 74-71 u l-kampjonat. Hawn bdew ċelebrazzjonijiet kbar li laħqu l-qofol tagħhom meta l-captain Ian Mercieca rċieva t-trofew minn idejn Dr. Stefan Buontempo u s-Sur Peter Perotti Chief Officer tal-BOV. Floriana komplew jiċċelebraw f’Ta’ Qali u baqgħu sejrin biċ-ċelebrazzjonijiet fil-Floriana fil-preżenza tal-players u numru kbir ta’ partitarji.

Floriana Francesco Fenech: A. Baldacchino, B. Scott Camilleri 16, D. Camilleri 7, M. Glass 16, C. Sammut 20, I. Mercieca 6, C. Calleja, D. Schembri 7, M. Ciantar, S. Saakian 2.

A to Z Electronics Athleta: M. Naudi  8, S. Hagul, D. Bugeja 10, M. Todorovic 30,  M. Giusti, E. Bezzina, O. Said 5, S. Pace, W. Spiteri, K. Baldacchino 4, S. Bischoff , S. Schembri 14.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Alfred Carbonaro

Statistika…

Floriana

Free throws – 17 on 25

Baskets – 15 on 39

Three pointers – 9 on 18

Rebounds – 48

Assists – 11

Turnovers – 18

Steals – 1

Fouls Suffered – 22

Fouls Made – 18

Athleta

Free throws – 11 on 15

Baskets – 24 on 63

Three pointers – 4 on 21

Rebounds – 46

Assists – 7

Turnovers – 7

Steals – 6

Fouls Suffered – 18

Fouls Made – 22

 





2 Comments

  1. Florianite says:

    well done to all involved in this massive success. floriana till we die!

    [Reply]

  2. karmnu says:

    Proset Floriana. Din id-darba proset ukoll lil athleta li accettaw it-telfa fi spirtu sportiv minghajr ebda problema…kellhu bzonn dejjem hekk jahasra b’dawk in-nies ta qali.

    [Reply]

Leave a comment