Floriana fl-ewwel post wara partita mill-aqwa

Monday, February 11, 2013, 21:26

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA IRĠIEL

minn Colin Schembri

Siġġiewi  72

Tata Motors Loyola 55

(18-12)(17-14)(20-15)(17-14)

 

Siġġiewi rritornaw għar-rebħ fil-kampjonat wara tlett telfiet konsekuttivi meta għelbu lil Tata Motors Loyola 72-55. Għal Alfred Mifsud kienet l-ewwel rebħa ma’ Siġġiewi u ġiet kontra l-ex team tiegħu u li permezz tagħha huma żammew it-tamiet tagħhom li jaslu sal-play-offs. Siġġiewi għadhom mingħajr  Clayton Agius u kien nieqes ukoll Jide Jetson fil-waqt li Loyola kienu mingħajr Jonathan Ransley u Ivan Buldakov. Siġġiewi ħadu l-ewwel vantaġġ wara punti minn Eman Xuereb u Marco Matijevic. Loyola wieġbu permezz ta’ Stefan Vella pero’ qatt ma rnexxielhom ikunu minn fuq. Alan Borg u Matijevic żiedu l-vantaġġ ta’ Siġġiewi u hawn waslu l-ewwel punti ta’ Jean Paul Azzopardi u Dominic Mazzocchi biex Loyola naqqsu d-distakk għal 3 punti 9-12. Siġġiewi kabbru l-vantaġġ għal 6 punti sa tmiem l-ewwel perjodu 18-12. Punti ta’ Mazzocchi raw lil Loyola jerġgħu jnaqqsu d-distakk għal 4 punti fil-ftuħ tat-tieni sessjoni pero’ Matijevic u Chris Meier għamlu 3 baskets mingħajr risposta. Loyola għamlu l-istess ħaġa pero Siġġiewi għalqu s-sessjoni b’punti ta’ Andras Fekete u Peter Shoults f’run ta’ 7-2 biex daħlu jistrieħu 9 minn fuq 35-26.

Wara l-intervall Siġġiewi kellhom run oħra ta’ 10-4 b’baskets ta’ Meier, Alan Borg u Shoults. Loyola ġew lura bil-punti ta’ Mazzocchi u Vella pero’ kull darba li bdew jersqu viċin Siġġiewi bdew iżidu d-distakk. Wara li huma temmew il-perjodu 55-41 minn fuq, fil-ftuħ tar-raba’ wieħed huma kellhom żewġ trippli minn Borg u Xuereb biex fetħu vantaġġ ta’ 22 punt 63-41. Mazzocchi waqqfilhom din ir-run pero’ Borg u Matijevic qasmu l-punti f’run oħra ta’ 8-2. Loyola rnexxielhom jagħlqu l-partita bi break ta’ 10-2 b’punti ta’ Billy Zammit u Antonio Sarrio biex ġabu l-iskor aktar rispettabbli u Siġġiewi rebħu l-partita 72-55.

           

Siġġiewi: N. Falzon 1, P. Shoults 13, E. Xuereb 4, A. Borg 14, C. Meier 15, A. Fekete 4, M. Matijevic 21.

Tata Motors Loyola: B. Zammit 4, A.Timor Sarrio 5, C. Cassar 1, S. Borg, L. Azzopardi, S. Vella 8, A. Axiaq 2, JP Azzopardi 7, D. Mazzocchi 28.

Referees: Emanuel Mangani, Steve Gouder, Clive Terribile.

 

Floriana Francesco Fenech 77

A to Z Electronics Athleta 70

(18-20)(21-18)(14-16)(24-16)

 

F’waħda mill-isbaħ partiti tal-istaġun, Floriana Francesco Fenech għelbu lil A to Z Electronics Athleta biex telgħu fl-ewwel post tal-klassifika. Dawn iż-żewġ timijiet urew li huma l-aqwa żewġ timijiet dan l-istaġun u se jerġgħu jiltaqgħu nhar il-Ħadd li ġej fil-finali tal-BOV Knock out. Floriana kienu mingħajr Bevan Camilleri u wara li Athleta għamlu l-ewwel punti tal-partita Floriana wieġbu bi tlett baskets minn Dirk Schembri, Matt Glass u Chris Sammut. Athleta wieġbu bil-punti ta’ Steve Schembri fosthom trippla u ħadu l-vantaġġ. Omar Said ukoll kellu trippla favur ic-champions pero’ kien Glass li għamel il-punti ta’ Floriana. Fl-aħħar sekondi, kien David Camilleri li seraq ballun f’nofs il-court u għamel trippla biex Athleta temmew is-sessjoni minn fuq 20-18. Fil-ftuħ tat-tieni sessjoni Floriana marru minn fuq b’baskets ta’ Camilleri u Glass qabel ma Athleta kellhom basket minn Shawn Pace u trippla minn Kristin Baldacchino. Il-partita baqgħet bilanċjata għalkemm Athleta rnexxielhom iżidu xi ftit il-vantaġġ wara trippla oħra ta’ Schembri. Ir-risposta ta’ Floriana ġiet minn Dirk Schembri li wkoll kellhu partita stupenda kontra l-ex team tiegħu. Athleta kienu għadhom 7 punti minn fuq 38-31 fid-disa’ minuta pero’ fl-aħħar minuta Floriana għamlu break ta’ 8-0 b’punti minn Schembri u Glass biex daħlu jistrieħu 39-38 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni il-vantaġġ beda jinbidel ta’ spiss b’mod speċjali bil-players barranin jirrispondu lil xulxin fejn Marko Todorovic beda dieħel aktar fl-azzjoni. Schembri għamel it-tielet trippla tiegħhu biex fis-sitt minuta Athleta marru 49-45 minn fuq. Floriana ħadu l-vantaġġ bi break ta’ 8-1 pero’ 4 punti minn Todorovic raw lil Athleta jtemmu l-perjodu punt minn fuq 54-53. Athleta reġgħu ħadu vantaġġ ta’ 5 punti fil-ftuħ tar-raba’ sessjoni wara baskets minn Schembri u Pace. Floriana komplew jirrispondu permezz ta’ Sammut, Schembri u Glass pero’ f’nofs is-sessjoni c-champions kienu għadhom 4 minn fuq 68-64. Hawn Floriana kisbu tlett baskets u marru minn fuq pero’ Todorovic reġa’ ppareġja l-partita 70-70. Fl-aħħar żewġ minuti kien hemm run ta’ 7-0 minn Floriana li tathom ir-rebħa 77-70.

 

Floriana Francesco Fenech: A. Baldacchino, D. Camilleri 9, M. Glass 27, C. Sammut 14, I. Mercieca 1, C. Calleja 2, D. Schembri 24, S. Saakian.

A to Z Electronics Athleta: S. Hagul, D. Bugeja 3, M. Todorovic 27,  M. Giusti, O. Said 3, S. Pace 11, W. Spiteri, K. Baldacchino 7, S. Bischoff, S. Schembri 19

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Clive Terribile.

 

Bupa Luxol 65

Pavi Depiro 69

(18-15)(19-14)(12-15)(16-25)

 

Pavi Depiro kisbu rebħa ferm importanti kontra Bupa Luxol biex żammew it-tielet post tal-klassifika u wara r-rebħa ta’ Siġġiewi ġurnata qabel, Luxol reġgħu niżlu fil-ħames post. Luxol kienu bil-formazzjoni tipika tagħhom fil-waqt li Depiro kellhom nieqes lil Emanuel Lupo. Konxji mil-importanza tal-partita, ż-żewġ timijiet kellhom bidu kwiet tant li fil-ħames minuta Luxol kellhom vantaġġ ta’ basket 7-5. Fil-minuti ta’ wara l-punti bdew ġejjin iktar regolari fuq iż-żewġ naħat bid-Depiro jieħdu vantaġġ ta’ basket 13-11 fid-disa’ minuta. Hawn Luxol kellhom run ta’ 7-0 bi trippla ta’ Stephen Shackleford u għalkemm kien hemm basket minn Abraham Portelli għal Depiro, Luxol temmew is-sessjoni 18-15 minn fuq. Fit-tieni sessjoni, Depiro bdew b’run ta’ 7-0 bil-punti jaslu minn Shawn Morgan u Isaac Tanti. Luxol wieġbu b’żewġ baskets ta’ Shackleford u trippla ta’ Nikola Vasovic biex reġgħu marru minn fuq. Depiro rnexxielhom inaqqsu d-distakk għal basket pero’ punti minn Adrian Micallef u trippla oħra ta’ Vasovic raw lil Luxol jidħlu jistrieħu 37-29 minn fuq.

Luxol irnexxielhom iżommu l-vantaġġ anke fil-ftuħ tat-tielet perjodu hekk kif il-punti reġgħu naqsu xi ftit speċjalment fl-ewwel minuti. Għal ħin twil Luxol żammew lill-avversarji 9 punti ‘l bogħod u fis-sitt minuta kienu fuq quddiem 45-36. Lejn tmiem is-sessjoni freethrows ta’ Morgan flimkien ma’ basket minn Portelli reġgħu ressqu lil Depiro viċin u s-sessjoni għalqet b’basket minn Marco Mercieca għal skor ta’ 49-44. Fl-aħħar perjodu Depiro bdew ir-rimonta tagħhom fejn kellhom run ta’ 10-2 biex sal-ħames minuta marru fuq quddiem 54-52. Trippla minn Andrew Aquilina wara diversti tentattivi kabbret il-vantaġġ ta’ Depiro pero’ anke Jean Paul Bonnici kellhu three pointer għal Luxol flimkien ma’ basket minn Shackleford li reġgħu poġġewhom fuq quddiem 60-59. Depiro komplew b’run ta’ 7-0 li tathom vantaġġ definittivu minkejja li Luxol wieġbu permezz ta’ Shackleford, il-ħin kien kontra tagħhom u Depiro serrħu rashom bi freethrow ta’ Roderick Vella biex rebħu l-partita 69-65.

 

Bupa Luxol: C.J. Cordina, M. Mercieca 7, A. Micallef 7, J. Willoughby, S. Shackleford 23, J.P. Schembri 2, N. Vasovic 17, T. Paris, E. Bonello, A. Micallef Trigona, J.P. Bonnici 7, S. Capello.

Pavi Depiro: R. Vella 6, K. Kun, A. Aquilina 5, A. Portelli 7, D. Agius 2, M. Mallia, I. Tanti 19, S. Morgan 30.

Referees: Steve Gouder, Clive Terribile, Emanuel Mangani

 

 

Klassifika Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

Team Logħob Rebħ Telf Punti Favur Kontra
Floriana Francesco Fenech

8

6

2

14

696

593

A to Z Electronics Athleta

8

6

2

14

593

507

Pavi Depiro

8

4

4

12

553

547

Siġġiewi

8

4

4

12

524

539

Bupa Luxol

8

3

5

11

598

624

Tata Motors Loyola

8

1

7

9

439

593

 

 





Leave a comment