Floriana Cafè Del Mar u Cynergi Virtus jikkwalifikaw għas-semifinali

Monday, November 17, 2014, 17:50

BANK OF VALLETTA KNOCK-OUT IRĠIEL

minn Colin Schembri

Floriana Cafè Del Mar 78

Remax Siġġiewi Citadel 53         
(20-9)(21-10)(20-9)(17-25)

L-ewwel team li kkwalifika għas-semifinali tal-Bank of Valletta knock-out kienu Floriana Cafè Del Mar wara li għelbu lil Remax Siġġiewi Citadel 78-53. Iż-żewġ timijiet kellhom coaches ġodda hekk kif Mario Tabone ħa post Christoph Stolp fuq il-bank Furjaniż u Ray Muscat ħa post Karl Borg fuq il-bank ta’ Siġġiewi. Għal Siġġiewi kien hemm ukoll ir-ritorn ta’ Marco Matijevic. Siġġiewi kienu l-ewwel team li għamlu l-punti b’basket ta’ Adrian Micallef però Floriana kellhom risposta mmedjata bi break ta’ 10-0 b’żewġ baskets ta’ Nicola Vasovic u Nick Oudendag. Għal Siġġiewi kien Micallef li reġa’ rrisponda b’żewġ baskets però Floriana komplew iżidu l-vantaġġ b’aktar punti minn Oudendag u Clayton Calleja biex temmew l-ewwel taqsima 20-9 minn fuq. Fit-tieni perjodu Floriana bdew b’żewġ baskets oħra minn Vasovic u Nigel Sultana. Siġġiewi kellhom il-punti tal-Amerikan Kent Tribett biex waslu sa’ għaxar punti taħt l-avversarji 26-16. Hawn Floriana kellhom trippla minn Lee Ross u punti minn Dirk Schembri u Oudendag biex fl-intervall huma kienu 41-19 minn fuq.

It-tielet taqima kellha bidu kajman hekk kif fl-ewwel erba’ minuti saru biss seba’ punti b’żewġ baskets minn Floriana. Fis-sitt minuta Floriana bdew run ta’ 12-2 bi tlett baskets ta’ Sultana flimkien ma’ Marco Mercieca u Ross għal skor ta’ 57-24. Sa’ tmiem is-sessjoni Oudendag u Schembri wieġbu għal punti ta’ Ryan Carabott u Tribett biex Floriana kienu 61-28 minn fuq. Fir-raba’ taqsima l-logħob kien aktar maqsum bil-Furjaniżi jkollhom il-punti ta’ Sultana u Oudendag b’Micallef u Matijevic jirrispondu għal Siġġiewi. Siġġiewi rnexxielhom jagħqqdu run ta’ 10-1 biex ġabu l-iskor iktar rispettabli għalkemm Floriana qatt ma kienu fil-periklu li jitilfu l-partita u huma ħarġu rebbieħa 78-53.

Floriana Cafe Del Mar: N. Oudendag 23, M. Mercieca 7, L. Ross 11, N. Sultana 18, S. Borg, N. Vasovic 11, C. Calleja 4, D. Schembri 4, S. Detemmerman, O. Shamala, D. Agius.

Remax Citadel Siġġiewi: B. Zammit, JP Antoncic, S. Sammut 1, E. Xuereb 6, M. Matijevic 11, A. Micallef 23, B. Bartolo, R. Carabott 2, M. Mallia, K. Tribett 10.

Referees: Gordon Barbara, Zvezdan Dobrosaviljevic, Clive Terribile.

Cynergi Virtus 91

Bupa Luxol 45        
(23-19)(26-11)(30-6)(12-9)

Cynergi Virtus ukoll waslu sas-semifinali tal-BOV Knock-out meta għelbu lil Bupa Luxol 91-45. Il-partita kienet miexja b’ritmu pjaċevoli sa nofsha fejn Virtus kienu diġa 49-30 minn fuq però fil-bidu tat-tielet sessjoni il-partita kienet ikkundizzjonata minn injury serja ta’ Anton Axiaq ta’ Virtus wara foul anti-sportiv li wassal ukoll għat-tkeċċija ta’ Alan Borg. Il-player ta’ Virtus kien mitluf minn sensieh għal ħin twil u fil-padiljun irrenjat tensjoni kbira u biża fuq l-uċuh ta’ kull min kien preżenti. Fortunatament, Axiaq għalkemm għadu rikoverat, jinsab f’kundizzjoni stabbli u dan is-sit għamel kuntatt miegħu matul il-ġurnata fejn ikkonferma li jinsab ħafna aħjar. Il-payer irċieva wkoll ammont kbir ta’ messaġġi ta’ appoġġ u awguri għar-ritorn ta’ malajr fuq il-court mhux biss mill-players tat-team tiegħu iżda wkoll mill-avversarji u mill-komunita kollha tal-basketball. Dan is-sit ukoll jieħu l-okkażjoni biex jawgura fejqan ta’ malajr lil Anton Axiaq. Intant għall-kronaka ngħidu li l-ewwel sessjoni kienet bilanċjata biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin speċjalment iż-żewġ Amerikani Evan Bruinsma ta’ Virtus u Orlando Rutledge ta’ Luxol. Virtus temmew l-ewwel sessjoni 23-19 minn fuq u bdew it-tieni sessjoni bi trippla ta’ Peter Shoults. Wara li Luxol kellhom il-punti minn Stefan Capello, Virtus komplew bi break ta’ 13-2 bi tlett baskets u trippla ta’ Bruinsma u tnejn minn Robert Bonnici. Luxol kellhom risposta minn Jean Paul Schembri u Rutledge qabel ma Axiaq kellhom tlett baskets għal Virtus biex fl-intervall kienu 49-30 minn fuq.

It-tielet sessjoni bdiet b’żewġ trippli minn Virtus permezz ta’ Shoults u Bruinsma. Hawn waslet l-injury ta’ Axiaq bil-logħba tieqaf għal madwar 30 minuta. Iż-żewġ timijiet dehru taħt xokk qawwi tant li l-logħba kompliet f’atmosfera surreali u Virtus ħarġu rebbieħa 91-45.

Cynergi Virtus: S. Pace 8, D. Bugeja 2, R. Bonnici 6, C. Doublet, A. Schembri, E. Bruinsma 36, A. Felice Pace 1, A. Axiaq 10, I. Buldakov, G. Coleiro 6, P. Shoults 22, F. Bartolo.

Bupa Luxol: CJ Cordina, A. Portelli 4, J. Willoughby 2, A. Borg, JP Schembri 10, N. Andrejevic, O. Rutledge 21, A. Micallef Trigona, JP Bonnici 4, S. Capello 4.

Referees: Bernard Vassallo, Luke Camilleri, Emanuel Mangani.





Leave a comment