Fitness Centre Ġdid F’Ħal Kirkop

Saturday, July 7, 2012, 14:10

Il-Gvern qiegħed jissieħeb mal-privat biex joħloq ekonomija sportiva li toħloq ix-xogħol fil-qasam sportiv. Hekk sostna l-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-żgħażagħ u Sport meta dalgħodu fetaħ uffiċjalment fitness centre f’Ħal Kirkop biswit il-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop.

Waqt id-diskors tiegħu l-Onor Puli spjega kif matul din il-leġiżlatura l-Gvern kompla jinvesti fl-isport u fil-faċilitajiet sportivi tant li mill-2008 l’hawn il-Gvern kważi rdoppja l-baġit tiegħu għall-isport. Huwa tenna li minkejja din iż-żieda, biex l-isport ikompli jiżviluppa xorta waħda jeħtieġ li l-privat jinvesti f’dan il-qasam.

L-Onor Clyde Puli qal li f’pajjiżna hawn madwar 50 fitness centre li għandhom aktar minn 15,000 membru fi ħdanhom. Aktar minn hekk huwa żied li dan is-settur fl-ekonomija hu wieħed li għadu qed jikber u huwa stmat li dawn il-fitness centres iħaddmu magħhom madwar 150 persuna full time.

Huwa tenna li fid-dawl ta’ dan il-Gvern qed iħares lejn mudelli ġodda sabiex jissieħeb mal-privat fl-operat tiegħu. Is-Segretarju Parlamentari żied li dan hu l-mudell li uża l-Kunsill Malti għall-Isport kemm fil-fitness centre li hemm fil-Kottonera u issa wkoll f’Ħal Kirkop. Is-Segretarju Parlamentari semma wkoll kif f’din il-leġiżatura l-Gvern beda jimbotta l-quddiem niċċa turistika ġdida ta’ turiżmu sportiv u nieda skema biex l-għaqdiet sportivi jidħlu sħab mal-Gvern u jġibu lejn pajiżna turisti sportivi. B’din l-iskema ġew f’pajjiżna aktar minn 140,000 bednight.

Din il-faċilità se tkun qed tintuża wkoll minn atleti Nazzjonali li jitħarrġu f’dan il-kumpless kif ukoll minn studenti li se jidħlu fl-iskola Nazzjonali tal-Isport li se tiftaħ f’Settembru li ġej u li wkoll se tkun qed topera mill-iskola ta’ Ħal Kirkop.

Aktar minn hekk is-Segretarju Parlamentari spjega kif din il-faċilità qed tikkumplimenta l-faċilitajiet sportivi tal-Kumpless ta’ Ħal Kirkop, li infetaħ mill-Prim Ministru f’Mejju li għadda. Għalhekk hu żied li dawn il-faċilitajiet sportivi se jkunu aċċessibbli għar-residenti kollha Koppin u taż-żona tal-madwar.

Is-Segretarju Parlamentari saħaq li b’dan il-ftehim il-Gvern wera l-intenzjoni tiegħu li jidħol sieħeb strateġiku mal-privat biex flimkien tkompli tixxettel il-kultura sportiva.

Waqt din l-attività tkellmet wkoll Kristy Attard, rappreżentanta ta’ Fitness Planet li hija l-kumpanija li qed tmexxi din il-faċilità. Hija qalet li wara s-suċċess li l-kumpanija kisbet bil-ftuħ tal-ewwel gym f’Ħaż-Żebbuġ fl-1999 il-kumpanija investiet fit-tieni gym f’Ħal Kirkop, biex illum din il-kumpanija qed tħaddem magħha disa’ fitness instuctors. Hija saħqet li l-kumpanija bi ħsiebha tkompli tinvesti biex tkabbar l-operat tagħha fil-futur.





Leave a comment