Finali oħra bejn Pavi Depiro u A to Z Electronics Athleta

Monday, January 7, 2013, 13:20

minn Colin Schembri

TAZZA LOUIS BORG IRĠIEL

 

Colin Schembri

 

Pavi Depiro 91

Floriana Francesco Fenech 73

(23-25)(22-18)(21-16)(25-14)

 

Siġġiewi vs Athleta

Siġġiewi vs Athleta

Pavi Depiro kellhom wirja verament tajba kontra Floriana Francesco Fenech fl-ewwel leg tas-semifinali tat-tazza Louis Borg. Huma ħarġu rebbieħa 91-73 minkejja li kienu biss bi 8 players hekk kif kien nieqes ukoll Nigel Sultana. Floriana kienu mingħajr Mark Ciantar. Il-problema prinċipali għal Floriana kienet li sofrew diversi punti minn fast breaks hekk kif ma bdewx jirritornaw fid-difiża wara li jitilfu l-ballun. Għal Depiro l-Amerikan Shawn Morgan kellhu wirja mill-aqwa meta mexxa lit-team b’36 punt u 9 assists fil-waqt li għal Floriana Phillip Thomas kellhu 38 punt. Il-partita fetħet b’żewġ baskets għal Depiro minn Malcolm Mallia u Abraham Portelli. Floriana wieġbu b’run sabiħa ta’ 13 –il punt mingħajr risposta b’punti minn Thomas u Dirk Schembri. Depiro wieġbu b’żewġ baskets oħra qabel ma Floriana kellhom break ieħor ta’ 6-2. Hawn Depiro għamlu run ta’ 10-0 b’seba’ punti ta’ Morgan u trippla ta’ Roderick Vella. Il-punti komplew ġejjin fuq iż-żewġ naħat u s-sessjoni ntemmet bi Floriana fuq quddiem 25-23. Fit-tieni perjodu kien hemm baskets fuq kull naħa u wara li Depiro marru għall-ewwel darba minn fuq 32-29, Floriana għamlu 3 baskets biex reġgħu ħadu l-vantaġġ. Depiro reġgħu dawwru l-iskor wara basket minn Andrew Aquilina u trippla oħra ta’ Vella biex daħlu jistrieħu basket minn fuq 45-43.

Depiro bdew ikabbru d-distakk fit-tielet sessjoni wara iktar punti minn Morgan u t-tielet trippla ta’ Vella 56-46. Ir-risposta Furjaniża ġiet kważi kollha minn Thomas flimkien ma’ trippla ta’ David Camilleri. Depiro temmew il-perjodu 66-59 minn fuq pero’ fil-ftuħ tal-aħħar wieħed Floriana reġgħu resqu viċin wara basket minn Steve Sammut u three pointer ta’ ħuħ Chris. Depiro wieġbu permezz ta’ Morgan u Portelli qabel ma Camilleri kellhu trippla oħra. Pero’ meta Floriana naqqsu d-distakk għal 5 punti donnhom insew li din il-partita tintlagħab fuq żewġ legs u bdew jagħġġlu fil-konklużjonijiet tagħhom u llaxkaw id-difiża. Depiro approfittaw u għaqqdu run ta’ 17-4 bi trippli minn Aquilina u David Agius biex rebħu l-partita 91-73.

Pavi Depiro: R. Vella 17, A. Aquilina 11, A. Portelli 4, D. Agius 9, E. Lupo, M. Mallia 2, I. Tanti 12, S. Morgan 36.

Floriana Francesco Fenech: B. Scott Camilleri 2, D. Camilleri 6, C. Sammut 12, I. Mercieca, S. Sammut 4, C. Calleja 2, D. Schembri 9, P. Thomas 38, S. Saakian.

Referees: Gordon Barbara, Alfred Carbonaro, Emanuel Mangani

 

A to Z Electronics Athleta 62

Siġġiewi 48

(20-8)(6-14)(14-14)(22-12)

 

Ic-champions A to Z Electronics Athleta ukoll fetħu vantaġġ sabiħ ta’ 14 –il punt fi tmiem l-ewwel semifinali kontra Siġġiewi meta rebħu l-ewwel partita 62-48. Athleta kellhom wirja tajba fid-difiża u għalkemm kellhom mument diffiċli fil-ftuħ tat-tieni perjodu, xorta rnexxielhom jirkupraw. Siġġiewi kellhom ir-ritorn ta’ Clayton Agius, Andras Fekete u anke reġa’ deher Jide Jetson. Athleta bdew tajjeb bil-punti ta’ Omar Said u fetħu bi break ta’ 7-2. Siġġiewi sabu diffikulta biex jinfdu u wara żewġ freethrows ta’ Alan Borg, Athleta għamlu break ieħor ta’ 11-2 bi trippla ta’ Shawn Pace u temmew l-ewwel sessjoni 20-8 minn fuq. Il-ftuħ tat-tieni perjodu kien f’idejn Siġġiewi hekk kif Athleta damu seba’ minuti biex jagħmlu l-ewwel punti tagħhom. Siġġiewi kellhom run ta’ 10-0 b’żewġ trippli ta’ Borg biex naqqsu d-distakk għal basket 18-20. Punti minn Kristin Baldacchino taw ftit tan-nifs lic-champions li fl-intervall kienu 4 minn fuq 26-22.

Siġġiewi rnexxielhom jieħdu l-vantaġġ fil-ftuħ tat-tielet sessjoni wara punti minn Chris Meier. Marko Todorovic wieġeb għall-Athleta qabel ma bdew ġejjin il-punti kontinwi minn Steve Schembri flimkien ma’ trippla ta’ Omar Said. Marco Matijevic wieġeb għal Siġġiewi qabel ma Schembri għalaq il-perjodu bi trippla għal skor ta’ 40-36. Fil-ftuħ tal-aħħar sessjoni Athleta reġgħu żiedu l-vantaġġ wara baskets minn Schembri u Todorovic pero’ trippla oħra ta’ Borg ħalliet lil Siġġiewi 4 minn taħt 43-47. Hawn Athleta għamlu run oħra ta’ 10-2 biex reġgħu ħadu vantaġġ ta’ 12 –il punt 57-45. Huma għalqu l-partita bil-freethrows ta’ Said u Schembri biex rebħu l-partita 62-48.

 

A to Z Electronics Athleta: M. Krastev, M. Gauchi Montalto, M. Todorovic 13,  M. Giusti, S. Hagul, O. Said 15, S. Pace 7, K. Baldacchino 8, S. Schembri 19

Siġġiewi: R. Agius, , P. Shoults 8, E, Xuereb, C. Agius, A. Borg 13, C. Meier 16, A. Fekete 2, J. Jetson, M. Matijevic 9.

Referees: Alfred Carbonaro, Emanuel Mangani, Steve Gouder

 

Floriana Francesco Fenech 77

Pavi Depiro 71

(13-25)(25-20)(20-10)(19-16)

 

Floriana Francesco Fenech irnexxielhom jerbħu t-tieni leg tas-semifinali kontra Pavi Depiro 77-71 pero’ din ir-rebħa ma kienitx biżżejjed għalijhom biex idawwru l-iżvantaġġ tal-ewwel partita. Floriana kienu mingħajr Sassoun Saakian fil-waqt li għal darb’oħra Nigel Sultana u Kenez Kun kienu nieqsa għal Depiro. Wara basket minn Phillip Thomas għal Floriana, kien hemm ir-risposta ta’ Depiro minn trippla ta’ Roderick Vella u sas-sitt minuta kienu fetħu vantaġġ ta’ 4 punti 12-8. Wara basket minn Dirk Schembri għal Floriana kien hemm run ta’13-3 minn Depiro biex b’hekk temmew is-sessjoni fuq quddiem 25-13. Floriana bdew aħjar fit-tieni taqsima u b’offensive rebounds konsekuttivi rnexxielhom inaqqsu d-distakk għal 2 punti 25-27 sat-tielet minuta. Huma ppareġjaw il-partita 31-31 qabel ma Vella għamel żewġ three pointers konsekuttivi flimkien ma’ baskets minnDavid Agiusbiex fl-intervall Depiro kienu 7 minn fuq 45-38.

Sat-tielet minuta tat-tielet sessjoni Depiro kienu 9 minn fuq 49-40 pero’ hawn Floriana għamlu run ta’ 14-2 b’diversi punti ta’ Thomas u Chris Sammut biex marru fuq quddiem 54-51. Minkejja li Depiro wieġbu permezz ta’ Vella u Isaac Tanti, Floriana temmew il-perjodu 58-55 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni Depiro reqsu punt il-bogħod wara żewġ baskets ta’ Shawn Morgan 59-60 pero’ Floriana għamlu run oħra ta’ 9-2 biex fetħu vantaġġ ta’ 8 punti 69-61 pero’ kienu għadhom 10 minn taħt bl-aggregate. Depiro kellhom il-punti ta’ Abraham Portelli u Vella li reġgħu ressquhom viċin tal-avversarji. Sammut għamel trippla oħra għal Floriana flimkien ma’ punti minn Schembri biex huma rebħu l-partita 77-71.

 

Floriana Francesco Fenech: B. Scott Camilleri 6, D. Camilleri, C. Sammut 19, I. Mercieca 2, S. Sammut 2, C. Calleja, D. Schembri 20, P. Thomas 28.

Pavi Depiro: R. Vella 15, A. Aquilina 3, A. Portelli 14, D. Agius 7, E. Lupo, M. Mallia 8, I. Tanti 4, S. Morgan 20.

Referees: Emanuel Mangani, Steve Gouder, Clive Terribile.

 

Siġġiewi 70

A to Z Electronics Athleta 68

(16-19)(17-16)(19-13)(18-20)

 

Bħal Floriana fil-partita ta’ qabel. Siġġiewi wkoll rebħu t-tieni leg tas-semifinali kontra A to Z Electronics Athleta pero’ anke għalijhom din ma kienitx biżżejjed hekk kif Athleta għaddew bl-aggregate ta’ 130-118. Iż-żewġ timijiet kienu bl-istess formazzjoni ta’ ġurnata qabel bl-eċċezjoni ta’ Ryan Agius li kien nieqes għal Siġġiewi. Il-partita kellha bidu bilanċjat tant li sar-raba’ minuta Siġġiewi kienu 8-6 minn fuq. Steve Schembri wieġeb għall-Athleta b’basket u trippla u wara li Eman Xuereb ukoll għamel trippla għal Siġġiewi, Omar Said beda run ta’ 8-3 biex Athleta temmew is-sessjoni 19-16 minn fuq. Il-partita kompliet bl-istess ritmu matul it-tieni sessjoni meta Siġġiewi marru punt minn fuq 24-23 wara punti minn Alan Borg u Chris Meier. Fil-ħames minuta tkeċċa Shawn Pace ta’ Athleta u għal kumplament tal-partita lagħab iż-żagħżugħ Mike Giusti. Siġġiewi reġgħu ħadu l-vantaġġ wara trippla minn Clayton Agius pero’ reġa’ kien Schembri li poġġa lil Athleta minn fuq, vantaġġ li żammew sal-intervall 35-33.

Siġġiewi fetħu t-tielet sessjoni b’seba’ punti mingħajr risposta biex ħadu vantaġġ ta’ 5 punti 40-35 pero kienu għadhom 9 minn taħt bl-aggregate. Athleta wieġbu bil-punti ta’ Marko Todorovic flimkien ma’ Steve Schembri u Omar Said. Siġġiewi żiedu l-vantaġġ wara baskets minn Chris Meier u Andras Fekete biex fid-disa’ minuta għalqu s-sessjoni bi trippla ta’ Eman Xuereb għal skor ta’ 52-48. Fl-aħħar sessjoni waslu wkoll it-three pointers ta’ Omar Said biex Athleta reġgħu ħadu l-vantaġġ 62-60 fis-sitt minuta. Siġġiewi tħabtu biex almenu jerbħu din il-partita u reġgħu marru minn fuq bi trippla oħra ta’ Agius. Athleta reġgħu marru minn fuq pero’ Marko Matijevic reġa’ poġġa lil Siġġiewi minn fuq u huma żammew il-vantaġġ sat-tmiem biex rebħu l-partita 70-68.

 

Siġġiewi: P. Shoults 3, E, Xuereb 6, C. Agius 7, A. Borg 6, C. Meier 27, A. Fekete 2, J. Jetson 2, M. Matijevic 17.

A to Z Electronics Athleta: M. Gauchi Montalto, M. Todorovic 18,  M. Giusti, S. Hagul, O. Said 19, S. Pace 2, K. Baldacchino 10, S. Schembri 19

Referees: Gordon Barbara, Alfred Carbonaro, Emanuel Mangani

 





Leave a comment