Finali oħra bejn Depiro u Luxol

Friday, February 8, 2013, 11:47

TAZZA LOUIS BORG NISA

minn Colin Schembri

Depiro 75

Honey Athleta 54

(13-10)(23-18)(16-11)(23-15)

 

Depiro għamlu l-ewwel pass għal finali oħra din id-darba tat-tazza Louis Borg meta għelbu lil Honey Athleta 75-54. Huma kienu mingħajr Maria Bonett u Christabelle Camilleri fil-waqt li Athleta kienu bl-iskwadra kompluta. Din kienet l-ewwel partita minn tlieta f’inqas minn ġimgħa bejn dawn iż-żewġ timijiet. Wara li Athleta ħadu l-ewwel vantaġġ b’baskets minn Aleksandra Ratomska u Leanne Sciberras, Depiro wieġbu bi break ta’ 11-0 bi trippla minn Beverlee Zammit. Athleta kisbu tlett baskets mingħajr risposta qabel intemmet is-sessjoni għal skor ta’ 13-10. It-tieni perjodu fetaħ b’run oħra ta’ 9-0 minn Depiro bi trippla ta’ Steffi De Martino. Athleta rkupraw u bi tmien punti konsekuttivi waslu sa’ basket il-bogħod 20-22. Depiro kellhom break ieħor ta’ 8-2 qabel ma saru tlett baskets fuq kull naħa biex daħlu jistrieħu 8 minn fuq 36-28.

Punti minn Samantha Brincat fetħu t-tielet sessjoni b’Ratomska twieġeb għall- Athleta. Wara punti minn Svetlana Micallef u Zammit, Ratomska kellha trippla għall- Athleta pero’ Depiro għalqu l-perjodu bil-baskets ta’ De Martino u Gaby Mifsud għal skor ta’ 52-39. Fl-aħħar taqsima Depiro komplew jinqatgħu mill-avversarji speċjalment wara run ta’ 10-3 fl-ewwel minuti b’iktar punti minn Zammit. Ratomska kompliet tagħmel il-punti tal-Athleta pero’ Depiro kellhom fażi oħra tajba bi break ta’ 9-2 biex fetħu vantaġġ ta’ 24 punt 73-49. L-aħħar punti ġew minn Ratomska u Gaby Mifsud biex Depiro ħarġu rebbieħa 75-54.

           

Depiro: A. Mifsud 3, G. Mifsud 5, F. Biancho 2, S. Brincat 9, S. De Martino 21, M. Mifsud 2, M. Scicluna, L. Belcher 8, S. Micallef 10, B. Zammit 15.

Honey Athleta: M. De Martino, A. Ratomska 33, J. Xuereb, L. Calleja 2, L. Sciberras 4, G. Muscat, E. Vella 2, R. Sciberras, M.C. Cilia 2, C. Ciantar 11, C. Mifsud.

Referees: Gordon Barbara, Steve Gouder.

 

Luxol 71

Alyssa Ashley Loyola 45

(14-2)(20-16)(16-13)(21-14)

 

Ic-champions Luxol ukoll fetħu vantaġġ sabiħ fi tmiem l-ewwel leg tas-semifinali tagħhom kontra Alyssa Ashley Loyola meta rebħu b’distakk ta’ 25 punt 71-45. Loyola huma l-uniku team li għeleb lil Luxol dan l-istaġun pero’ f’din il-partita ma kellhomx wirja tajba. Bil-maqlub, Luxol kellhom wirja ferm posittiva speċjalment fid-difiża hekk kif Loyola bdew jiżbaljaw diversi passed li ħafna drabi bdew jiġu nterċettati mil-players ta’ Luxol. Anke taħt il-board Luxol kienu dominanti meta ħadu 20 offensive rebound b’disa’ minnhom jiġu mill-Amerikana Mollie Williams. Luxol urew l-intenzjonijiet tagħhom mil-bidu nett meta fl-ewwel sessjoni ħallew lil Loyola fuq basket wieħed biss. Huma għamlu 14 –il punt fosthom mil-captain Mandi Sciortino li kellha bidu tajjeb flimkien ma’ Williams u Greta Zarb. L-andament tal-partita baqa’ l-istess fl-ewwel ħinijiet tat-tieni perjodu hekk kif Luxol bdew b’run oħra ta’ 13-2 magħluqa bi trippla ta’ Zarb. It-tamiet ta’ Loyola ħadu daqqa ta’ ħarta meta wara li għamlu żewġ baskets tilfu lil Emma Moore b’injury. Sal-intervall Luxol komplew ikabbru l-vantaġġ wara punti minn Paula Ellul u Zarb u minkejja li Brietta Thomas għamlet trippla favur Loyola, Luxol daħlu jistrieħu minn fuq 34-18.

Loyola bdew aħjar fit-tielet perjodu u naqqsu d-distakk minn baskets ta’ Kristie Tonna u Adalia Bonanno pero’ Luxol wieġbu bil-punti ta’ Williams u trippla ta’ Sarah Pace. Thomas għamlet seba’ punti oħra għall-Loyola qabel ma Luxol għalqu s-sessjoni b’run ta’ 9-2 bi trippla oħra ta’ Pace għal skor ta’ 50-31. Fl-aħħar sessjoni Luxol komplew ikabbru l-vantaġġ hekk kif żdiedu t-turnovers ta’Loyola. Huma kellhom run oħra ta’ 13-3 b’iktar punti minn Williams u Pace. Wara li Loyola għamlu break qasir ta’ 6-2, Luxol għamlu l-istess biex rebħu l-partita 71-45.

 

Luxol: S. Pace 14, M. Sciortino 6, C. Medina, B. Naudi 4, J. B. Gaerty, G. Zarb 12, P. Ellul 4, M. Williams 23, D. Muscat 8, K. Portelli, M. Darmanin.

Alyssa Ashley Loyola: E. Moore 2, L. Pace, J. Doughty 1, M. Gatt, D.Said Hollier 2, K. Tonna 7, A. Bonanno 6, J. Mangion 6,  P. Montanaro, B. Thomas 19, SJ Barbara 2, F. Camilleri

Referees: Alfred Carbonaro, Emanuel Mangani.

 

Honey Athleta 44

Depiro 57

(8-18)(13-10)(12-11)(11-18)

 

Depiro bdew it-tieni leg b’vantaġġ ta’ 21 punt wara r-rebħa fl-ewwel leg u fit-tieni leg ukoll kisbu rebħa kontra Honey Athleta 57-44. Samantha Brincat u Maria Bonett baqgħu fuq il-bank għal Depiro pero rritornat Christabelle Camilleri. Athleta kienu mingħajr Madeiline De Martino. Depiro bdew tajjeb u wara nofs l-ewwel  sessjoni kienu diġa 13-2 minn fuq b’punti minn Steffi De Martino u Beverlee Zammit. Athleta wieġbu b’żewġ baskets minn Aleksandra Ratomska u Chantelle Mifsud biex Depiro temmew il-perjodu 18-8 minn fuq. Depiro komplew iżidu l-vantaġġ fil-ftuh tat-tieni taqsima b’basket minn Zammit u freethrows ta’ Latisha Belcher. Wara basket fuq kull naħa, Athleta għamlu break ta’ 11-2 b’iktar punti minn Ratomska flimkien ma’ Claire Ciantar u Leanne Sciberras biex naqqsu d-distakk. Qabel intemmet is-sessjoni, Zammit għamlet basket għal Depiro biex fl-intervall huma kienu 7 minn fuq 28-21.

Wara l-mistrieħ, Athleta komplew bil-mument posittiv tagħhom tant li rnexxielhom  inaqqsu d-distakk għal 3 punti wara iktar punti minn Ciantar u Lonnecke Calleja 29-32. Punti minn Belcher reġgħu żiedu l-vantaġġ għal Depiro sa’ tmiem is-sessjoni 39-33. Fil-ftuħ tal-aħħar sessjoni De Martino bdiet bi trippla għal Depiro. Ratomska wieġbet għall- Athleta pero mbagħad Depiro ħadu l-partita f’idejhom u għamlu 15 –il punt għall-erbgħa ta’ Athleta li pero’ għalqu l-partita bi trippla ta’ Leanne Sciberras għal skor finali ta’ 57-44.

 

Honey Athleta: A. Ratomska 14, J. Xuereb, L. Calleja 5, L. Sciberras 7, G. Muscat, E. Vella 6, R. Sciberras, M.C. Cilia, C. Ciantar 10, C. Mifsud 2.

Depiro: A. Mifsud, G. Mifsud, F. Biancho 4, S. Brincat, M. Bonett, S. De Martino 16, M. Mifsud, M. Scicluna, L. Belcher 22, C. Camilleri, S. Micallef 1, B. Zammit 14.

Referees: Emanuel Mangani, Steve Gouder

 

Alyssa Ashley Loyola 45

Luxol 69

(9-25)(17-14)(22-8)(18-26)

 

Luxol komplew fejn ħallew fl-ewwel leg fit-tieni partita kontra Alyssa Ashley Loyola meta rebħu t-tieni leg 73-66. Loyola kellhom wirja aħjar mill-ewwel leg għalkemm reġgħu tilfu diversi blalen. Il-ftuħ tal-partita kien bilanċjat u fl-ewwel minuti Luxol kienu punt minn fuq 8-7. Hawn Luxol għamlu run ta’ 7-0 bi trippla ta’ Greta Zarb u żewġ baskets ta’ Mandi Sciortino. Loyola għamlu basket minn Justine Mangion pero’ fl-aħħar żewġ minuti Luxol għamlu run ta’ 10-0 mibdija bi trippla ta’ Sarah Pace għal skor ta’ 25-9. It-tieni sessjoni fetħet bi trippla oħra ta’ Pace fi break ieħor ta’ 10-3 hekk kif Brietta Thomas għamlet l-ewwel trippla tagħha. Loyola komplew b’run ta’ 11-0 b’punti minn Adalia Bonanno u Denise Said Hollier biex naqqsu d-distakk għal 12 –il punt 23-35. Fl-aħħar minuta kien hemm żewġ baskets ta’ Clementina Medina għall-Luxol u trippla oħra minn Thomas għall-Loyola biex fl-intervall Luxol kienu 39-26 minn fuq.

Loyola fetħu t-tielet sessjoni b’run oħra sabiħa ta’ 12-0 b’Thomas ikollha aktar three pointers. Issa d-distakk bejn iż-żewġ timijiet niżel għal punt wieħed 38-39 pero’ Luxol kellhom żewġ baskets minn Mollie Williams u Diana Muscat. Pero’ Loyola komplew bil-punti tagħhom u kellhom run oħra ta’ 10-2 biex temmew il-perjodu punt minn fuq 48-47. Loyola żammew il-vantaġġ sas-seba’ minuta tal-aħħar sessjoni hekk kif iż-żewġ timjiet bdew jirrispondu lil xulxin. Pero’ fl-aħħar żewġ minuti, Luxol għamlu 10 punti mingħajr risposta u minkejja li Thomas għamlet trippla oħra, Luxol għalqu l-partita bi freethrows ta’ Sciortino biex rebħu l-partita 73-66.

           

Alyssa Ashley Loyola: L. Pace, J. Doughty 4, M. Gatt, D.Said Hollier 8, K. Tonna 8, A. Bonanno 7, J. Mangion 2,  P. Montanaro, B. Thomas 36, SJ Barbara 1, F. Camilleri

Luxol: S. Pace 17, M. Sciortino 19, C. Medina 4, B. Naudi 10, J. B. Gaerty, G. Zarb 7, P. Ellul 5, M. Williams 9, D. Muscat 2, K. Portelli, M. Darmanin.

Referees: Bernard Vassallo, Clive Terribile





Leave a comment