Finali MRTL Kampjonat tas-Sajf

Thursday, July 26, 2018, 12:37

Nhar il-Ħadd li ġej filgħaxija jiġi fi tmiemu l-ewwel parti ta’ l-istaġun tat-tiġrijiet hekk kif isiru s-seba’ finali tal-Kampjonat tas-Sajf. Din is-sena dan il-Kampjonat qed jiġi sponsorjat mill-Marsa Race Track Limited (MRTL) li huwa konsorszju li qiegħed viċin ħafna li jilħaq ftehim mal-Gvern sabiex jieħu f’idu t-tmexxija tal-Korsa b’investiment li ħa jtejbu sostanzjalment il-faċilitajiet.

Il-fond totali tal-premjijiet li ħa jiġu mqassma fis-7 finali huwa kollu sponsorjat u jammonta għal €10,320 żieda ta’ €1,320 fuq is-sena l-oħra.

Il-Kampjonat tas-Sajf huwa fost l-aktar kampjonati interessanti ta’ matul l-istaġun fejn iż-żwiemel ikollhom l-opportunita li jiġru sa massimu tliet darbiet u jakkwistaw punti skond il-prestazzjoni tagħhom. Matul il-kampjonat iż-żwiemel iżommu l-istess pożizzjoni fil-klassi tagħhom u għall-finali jgħaddu l-aktar 12-il żiemel li jkun tella’ punti fil-kategorija rispettiva.

Dan il-kampjonat beda fil-15 ta’ Ġunju u ż-żwiemel ġrew fuq id-distanzi ta’ 2140m u 2640m. Il-finali ser isiru kollha fuq distanza ta’ 2640m peress li s-sena l-oħra kienu saru fuq distanza ta’ 2140m.

Il-programm jibda fis-7:00 pm u bla dubju l-aktar finali mistennija u li ħa tattira nies hija dik tal-klassi Premier li tkun l-aħħar waħda tal-ġurnata.  Din il-finali qed tiġġenera interess aktar mis-soltu peress li fiha ser jipparteċipaw uħud mill-aqwa żwiemel li ddebuttaw fil-korsa tal-Marsa matul din l-aħħar sena u għalhekk l-aspettattiva hija waħda kbira u mistennija folla kbira tkun preżenti fil-Korsa nhar il-Ħadd filgħaxija.

F’kull finali ser jingħataw trofej lil min jispiċċa fl-ewwel 4 postijiet u dawn ser jiġu ppreżentati lir-rebbieħa minn rappreżentanti tal-Konsorzju MRTL.





Leave a comment