Finali bejn Starlites GIG u Hibernians

Monday, October 29, 2018, 14:53

St. James Hospital Shield Irġiel

minn Colin Schembri

Bupa Luxol 71

Starlites GIG 94

(22-20)(21-22)(12-34)(16-18)

B’wirja mill-aqwa wara l-intervall Starlites warrbu l-isfida ta’ Bupa Luxol

Ritratt: Wally Galea

biex waslu fil-finali tas-Shield. L-Amerikan Jordan Stotts kellhu partita stupenda b’40 punt u 29 rebound u patta għan-nuqqas ta’ Cameron Ward. Alec Felice Pace u Nick Formosa wkoll kellhom wirja posittiva. Luxol żammew il-pass fl-ewwel żewġ sessjonijiet hekk kif daħlu jistrieħu punt minn fuq. Starlites ħadu l-ewwel vantaġġ meta wara żewġ trippli ta’ Felice Pace marru 14-4 minn fuq. Hawn Luxol kellhom sensiela ta’ three pointers konsekuttivi fosthom tlieta minn William Ahlberg flimkien ma’ CJ Cordina, Vukassin Jandric u Keith Dimech u temmew l-ewwel sessjoni 22-20 minn fuq. Fit-tieni taqsima, Luxol żiedu l-vantaġġ meta fetħu b’seba’ punti mingħajr risposta. Starlites wieġbu permezz ta’ Formosa u Robert Bonnici u waslu sa’ punt ‘l bogħod 32-33. Luxol irrispondew bi trippla ta’ Cordina però Starlites kellhom run ta’ 8-0 biex marru minn fuq. L-aħħar punti ġew minn Luxol permezz ta’ Stefan Capello u trippla ta’ Jandric biex daħlu jistrieħu punt minn fuq 43-42.

Fil-bidu tat-tielet taqsima il-punti ġew fuq kull naħa biex Luxol baqgħu punt minn fuq 48-47. Hawn beda l-aħjar mument ta’ Starlites li għamlu run ta’ 14-2 fosthom trippla ta’ Bonnici u diversi punti ta’ Stotts u marru 11 minn fuq 61-50. Starlites komplew iżidu l-vantaġġ hekk kif Luxol ma setgħux isibu l-basket u trippli ta’ Bonnici u Felice Pace raw lil Starlites itemmu t-taqsima 76-55 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni Starlites għamlu break ieħor ta’ 8-0 biex fetħu vantaġġ massimu ta’ 26 punt 86-60. Fl-aħħar minuti kien hemm ħin għall-players ta’ fuq il-bank biex il-logħob kien aktar maqsum hekk kif Starlites ħadu r-rebħa 94-71.

 

Bupa Luxol: CJ Cordina 10, V. Jandric 24, L. Caruana Montaldo, JP Schembri 5, K. Dimech 12, W. Ahlberg 18, P. Englebert, S. Cappello 2.

Starlites Gig: O. Psaila, R. Bonnici 13, M. Falzon, A. Felice Pace 19, R. Carabott 6, M. Scerri, N. Formosa 16, J. Scotts 40.

Referees: Nicky Azzopardi, Christine Xuereb, Ivica Simic

Hibernians 88

Gżira Athleta 72

(18-18)(23-12)(23-19)(24-23)

Hibernians għelbu lil Gżira Athleta 88-72 biex se jkunu huma li jikkontestaw il-finali tas-Shield kontra Starlites għat-tieni finali tagħhom dan l-istaġun. Athleta li kienu biss b’seba’ players kellhom bidu tajjeb però mal-ħin Hibs bdew jieħdu l-partita f’idejhom fejn iddominaw taħt il-boards b’total ta’ 60 rebound għas-36 tal-Athleta. Huma kellhom 22 rebound fl-attakk bit-trio Marco Matijevic, Alvaro Lizaur u Chad Cuschieri Patus jispikkaw. Athleta fetħu tajjeb bil-punti ta’ Nathan Xuereb, Kwame Thompson u trippla ta’ Matthew Gouder biex marru 9-3 minn fuq. Punti fuq kull naħa ħallew lil Athleta fuq quddiem però Hibs għaqqdu run ta’ 11-2 biex ħadu l-vantaġġ 18-15 iżda trippla ta’ Xuereb għalqet is-sessjoni fuq parita 18-18. Athleta reġgħu marru fuq quddiem għall-aħħar darba fil-ftuħ tat-tieni sessjoni wara punti ta’ Xuereb u Thompson. Hibs wieġbu bi trippla ta’ 11-0 fosthom trippla ta’ Patus għal skor ta’ 31-23. Athleta kellhom trippla oħra ta’ Xuereb iżda Hibs komplew b’diversi punti ta’ Matijevic biex daħlu jistrieħu 41-30 minn fuq.

Wara l-intervall iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin u Hibs baqgħu 10 minn fuq 52-42. Żewġ trippli ta’ Lizaur raw lil Hibs jibdew run oħra ta’ 12-3 u għalqu s-sessjoni b’vantaġġ ta’ 15 –il punt 64-49. Fil-bidu tal-aħħar sessjoni Athleta ppruvaw iwettqu l-aħħar reazzjoni u żewġ trippli ta’ Luca Stefanovic naqqsu d-distakk għal 8 punti 67-59. Hibs irkupraw bil-punti ta’ Patus flimkien ma’ trippla ta’ Roderick Vella biex reġgħu ħadu vantaġġ b’figuri doppji u żammewh sat-tmiem hekk kif rebħu l-partita 88-72.

Hibs: R. Vella 3, P. Attard, K. Sultana, L. Farrugia 8, M. Formosa, I. Bonett 2, A. Axiaq 5, M. Matijevic 20, A. Lizaur 24, C. Cuschieri Patus 26.

Gżira Athleta: P. Shoults, L. Stefanovic 8, A. Perunicic 6, N. Xuereb 17, M. Gouder 11, K. Thompson 27, I. Mitrovic 3.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Daniella Torok.





Leave a comment