Finali bejn Starlites GIG u ARMS Depiro

Monday, December 2, 2019, 22:00

St. James Hospital Knock-out Nisa      

minn Colin Schembri

Hibernians 65

Starlites GIG 71

(21-10)(12-21)(15-13)(17-27)

Fl-ewwel semi-finali tal-Mapfre MSV Life Knock-out tan-nisa il-holders Hibernians iltaqgħu kontra c-champions renjanti Starlites Gig u se jkollna rebbieħ ġdid għal din il-kompetizzjoni hekk kif Starlites rebħu l-partita 71-65 b’wirja qalbiena speċjalment fl-aħħar taqsima. Hibs kellhom lura lill-Amerikana Amelia Simmons għall-ewwel darba dan l-istaġun għalkemm kienet għal ħin twil fuq il-bank. Hibs fetħu l-partita bi trippla ta’ Jasmine Abela bi Starlites jirrispondu b’seba’ punti mingħajr risposta minn Christina Curmi u trippla ta’ Patricia Arguello. Hawn Hibs kellhom l-aqwa mument fil-partita hekk kif ħasdu lill-avversarji b’run ta’ 17-0 bil-punti ta’ Marie Buhagiar li daħlet minn fuq il-bank u bdiet bi trippla flimkien ma’ Sam Brincat u Ashleigh Van Vliet u trippla oħra ta’ Abela biex temmew l-ewwel sessjoni 21-10 minn fuq. Huma kabbru l-vantaġġ fil-bidu tat-tieni perjodu għalkemm Starlites kellhom seba’ punti konsekuttivi minn Steffi De Martino, Arguello u Mikela Riolo. Starlites komplew inaqqsu d-distakk u three pointer ta’ Michela Zammit Cordina wassalhom sa’ 5 punti ‘l bogħod 24-29. Wara punti ta’ Brincat, reġgħu kienu Starlites li għamlu run ta’ 7-2 biex sal-intervall kien hemm biss basket jifred liż-żewġ timijiet bil-Hibs fuq quddiem 33-31.

Fit-tielet taqsima Starlites irnexxielhom jieħdu l-vantaġġ wara baskets minn Riolo u Arguello però Hibs wieġbu permezz ta’ Van Vliet speċjalment mill-free-throw line biex reġgħu marru fuq quddiem. Starlites kellhom trippla ta’ Curmi qabel ma Hibs għamlu sitt punti oħra mingħajr risposta biex għalqu l-perjodu b’vantaġġ ikbar milli bdewh 48-44. Fl-aħħar sessjoni kienu Hibs li għamlu l-ewwel punti minn Leanne Duncan u Julia Scerri biex reġgħu marru 8 minn fuq. Hawn waslet ir-riposta ta’ Starlites b’run ta’ 9-0 bejn Maria Bonett u Riolo li poġġiethom minn fuq wara basket u trippla. L-akkaniżmu kompla jiżdied anke minn fuq l-istands hekk kif Hibs reġgħu ħadu l-vantaġġ. Starlites ma ċedewx u għamlu run deċisiva ta’ 14-4 bil-punti ta’ De Martino u Arguello u din id-darba Hibs ma rnexxielhomx jirkupraw biex kienu Starlites li għaddew għall-finali fuq skor finali ta’ 71-65.

Hibernians: I. Agius, J. Scerri 2, A. Van Vliet 25, S. Brincat 9, L. Duncan 4, J. Abela 11, C. Camilleri, A. Simmons 5, N. Farrugia, Y. Bonett, K. Caruana, M. Buhagiar 9.

 

Starlites Gig: M. Zammit Cordina 3, M. Riolo 15, A. Micallef, S. Farrugia, M. Bonett 11, C. Curmi 11, S. De Martino 9, P. Arguello 22, M. Cutajar, A. Lupo.

Referees: Gordon Barbara, Bernard Vassallo, Sejmir Jafilika

Luxol 70

 

ARMS Depiro 90

(15-27)(22-22)(19-18)(14-23)

ARMS Depiro kisbu d-dritt li jikkontestaw il-finali tal-Mapfre MSV Life Knock-out

Ritratt: Wally Galea

wara li għelbu lil Luxol 90-70 b’wirja mill-aqwa ta’ Nicole Agius u l-Amerikana Hannah Johnson. Luxol ħassew ferm in-nuqqas ta’ Mandi Mercieca għalkemm irkupraw lil Sharon Vella. Depiro għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari sa’ mill-ewwel ħinijiet meta bdew b’run ta’ 11-2 kollha minn Agius u Johnson. Luxol kellhom risposta bi trippli minn Sarah Pace, Antoinette Borg u Monique Caruana bid-Depiro jwieġbu permezz ta’ Claire Ciantar u trippla ta’ Martina Scicluna biex temmew l-ewwel sessjoni 27-15 minn fuq. Fil-ftuħ tat-tieni taqsima l-logħob kien aktar maqsum biex Depiro żammew il-vantaġġ 33-22. Ciantar u Agius bi trippla kabbrulhom il-vantaġġ minkejja li Luxol ukoll kellhom three pointer minn Beverlee Zammit. Luxol għalqu t-taqsima bi break ta’ 10-3 b’punti minn Pace u Cristina Sollami però Depiro kienu għadhom fuq quddiem 49-37.

Wara l-intervall, Depiro fetħu tajjeb b’ħames punti mingħajr risposta minn Scicluna u Johnson. Luxol kellhom mument tajjeb speċjalment b’erba’ three pointers konsekuttivi minn Caruana u waslu sa’ 5 punti ‘l bogħod 52-57. Depiro rkupraw u rnexxielhom jerġgħu jkabbru l-vantaġġ sa’ tmiem is-sessjoni wara run ta’ 9-2 bi trippla ta’ Agius 67-56. Fl-aħħar sessjoni Depiro komplew iżommu lill-avversarji ‘l bogħod u punti konsekuttivi ta’ Denise Said Hollier u Johnson rawhom jiftħu vantaġġ ta’ 18 -il punt 81-63. L-aħħar sforz ta’ Luxol wasal minn Pace li kellha wkoll trippla però kienu Depiro li għamlu l-aħħar seba’ punti tal-partita biex ħarġu rebbieħa 90-70 u mhux biss ħadu l-ewwel rebħa tal-istaġun iżda wkoll post fil-finali tan-Knock-out.

Luxol: S. Pace 17, M. Caruana 15, Ni. Vella 3, I. Baena 6, No. Vella, S. Vella 6, K. Portelli 2, A. Borg 5, J. Schembri, C. Sollami 13, M. Pollaco, B. Zammit 3.

ARMS Depiro: No. Agius, N. Ebejer, Ni. Agius 24, J. Borg, 9, D. Said Hollier 5, M. Scicluna 8, C. Ciantar 9, S. Farrugia, N. Hili, N. Borg, H. Johnson 35, E. Cassar.

Referees: Ivica Simic, Luke Camilleri, Malek Hraisha





Leave a comment