Finali bejn Pavi Depiro u Honey Athleta

Tuesday, November 5, 2013, 17:31

ST. JAMES HOSPITAL SHIELD NISA

minn Colin Schembri

Pavi Depiro 62

Starlites Sports Experience 46

(19-7)(13-15)(12-14)(18-10)

Ic-champions Pavi Depiro għelbu lil Starlites Sports Experience fl-ewwel semifinali tas-St. James Hospital Shield tan-nisa 62-46. Depiro wrew għandhom esperjenza ta’ partiti bħal dawn u kull darba li Starlites bdew jersqu viċin ma tawhomx il-possibilta li jmorru minn fuq. Depiro kellhom nieqsa lil Maria Bonnett però Martina Mifsud kellha partita tajba flimkien mal-Amerikana Jonceyln Peterkin u Samantha Brincat fost l-oħrajn. Għal Starlites kien hemm id-debutt tal-aħħar akkwist tagħhom Maria Desira. Depiro ħadu l-ewwel vantaġġ u trippla ta’ Gaby Mifsud poġġiethom 4 minn fuq 8-4. Wara li Starlites kellhom punti minn Desira u Renea Phelps, Depiro komplew bi break ta’ 11-0 b’punti minn Peterkin u Antoinette Borg fosthom trippla biex temmew is-sessjoni 19-7 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Starlites kellhom bidu aħjar u għamlu break ta’ 11-2 bil-punti kollha jaslu minn Phelps u Lindsey Pirotta bi trippla biex naqqsu d-distakk għal 3 punti 18-21. Depiro wettqu reazzjoni u b’sitt punti ta’ Peterkin u basket ta’ Beverlee Zammit reġgħu ħadu vantaġġ ta’ 11 –il punt 29-18 li sal-intervall naqas għal punt 32-22.

Fit-tielet taqsima Depiro bdew bi trippla oħra ta’ Borg bi Starlites jagħmlu break qasir ta’ 6-2 b’żewġ baskets ta’ Pirotta. Depiro wkoll kellhom run qasira ta’ 7-0 bi trippla ta’ Zammit għal vantaġġ ta’ 16 –il punt 44-28. Starlites ma ċedewx u wieġbu bi 8 punti mingħajr risposta b’Justine Busuttil Gaerty tagħmel trippla għal skor ta’ 44-36. Depiro bdew tajjeb fl-aħħar sessjoni u għamlu run ta’ 14-2 b’punti ta’ Peterkin u Scicluna fost l-oħrajn biex reġgħu marru 20 punt minn fuq 58-38 sas-sebà minuta 58-35. Fl-aħħar ħinijiet iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin hekk kif kien hemm ukoll freethrows żbaljati fuq iż-żewġ naħat biex Depiro rebħu l-partita 62-46.

Pavi Depiro: A. Mifsud 2, G. Mifsud 6, J. Peterkin 25, S. Brincat, M. Scicluna 5, M. Mifsud 2, A. Borg 12, D. Sammut, N. Agius 3, S. Micallef, B. Zammit 7.

Starlites Sports Experience: A. Farrugia, J. Busuttil Gaerty 3, A. Grixti, S. Tabone, P. Montanaro, M. Desira 10, R. Phelps 10, L. Pirotta 17, N. Attard 4, C. Sammut, S. Galea, M. Cutajar 4.

Referees: Luke Camilleri, Stephen Micallef.

Caffè Moak Luxol 52

Honey Athleta 55
(6-13)(12-21)(11-12)(23-9)

Honey Athleta kisbu post fil-finali tas-Shield meta għelbu lil Caffè Moak Luxol 55-52 f’partita li offriet eċitament speċjalment fl-aħħar ħinijiet meta Luxol għafsu biex isalvaw il-partita. Iż-żewġ timijiet kellhom akkwist ġdid hekk kif Kirsten Baldacchino rritornat ma’ Luxol wara snin ma’ Hibs u Adriana Demanuele inagħqdet ma’ Athleta minn ma’ Phoenix. Athleta kellhom bidu tajjeb, fejn wara li Patricia Bright għamlet żewġ baskets għal-Luxol, għamlu run ta’ 8-0 b’baskets minn Chantelle Mifsud, Leanne Sciberras u Ijeoma Ofomata. Fl-aħħar tlett minuti Luxol għamlu biss basket ieħor minn Bright biex Athleta temmew is-sessjoni bi freethrows għal skor ta’ 13-6. Athleta bdew it-tieni sessjoni bi tlett baskets oħra mingħajr risposta minn Ofomata u Mifsud. Fit-tielet minuta wasal l-ewwel basket ta’ Luxol għal darb’oħra minn Bright però Athleta baqgħu fil-kontroll hekk kif bdew iżidu l-punti minn Sciberras u Ofomata. Luxol kellhom it-three pointers minn Greta Costa u Mandi Mercieca però Athleta kellhom seba’ punti oħra qabel intemmet is-sessjoni biex daħlu jistrieħu 34-18 minn fuq.

Wara l-intervall, kien hemm aktar punti minn Athleta permezz ta’ Emma Moore u Francesca Farrugia. Luxol wieġbu b’baskets ta’ Bright u Steffi De Martino qabel ma għamlu run ta’ 7-0 mibdi bit-tieni trippla ta’ Mercieca. Athleta temmew it-taqsima b’żewġ baskets ta’ Ofomata biex kellhom vantaġġ ta’ 17 –il punt u dehru b’sieq waħda fil-finali. Iżda Luxol kellhom ħsibijiet oħra hekk kif huma dehru team transformat fl-aħħar perjodu. Fil-fatt wara żewġ freethrows minn Sciberras, Luxol kellhom run ta’ 8-0 fosthom trippla ta’ De Martino biex bdew jersqu viċin tal-avversarji. Punti ta’ Mifsud u Ofomata taw ftit tan-nifs lil Athleta però Luxol komplew jagħfsu b’run ta’ 13-0 bi trippla ta’ Mercieca u tmien punti konsekuttivi ta’ De Martino. Dan wassal biex il-vantaġġ tal- Athleta jinżel għal punt wieħed 52-53 però kien għad fadal biss ftit sekondi. Hawn Athleta kellhom il-freethrows ta’ Emma Moore biex serrħu rashom mir-riżultat u issa jiltaqgħu mac-champions Pavi Depiro fil-finali.

Caffè Moak Luxol: K. Baldacchino 2, M. Mercieca 9, I. Medina, B. Naudi, P. Ellul 4, G. Costa 5, K. Portelli, S. De Martino 13, P. Bright 21, M. Darmanin, C. Curmi.

Honey Athleta: E. Moore 8, E. Vella, J. Xuereb, L. Cassar, L. Sciberras 10, M. Azzopardi, I. Ofamata 22, A. Demanuele, R. Sciberras, F. Farrugia 4, S.J. Barbara, C. Mifsud 11.

Referees: Clive Terribile, Luke Camilleri





Leave a comment