Finali bejn Pavi Depiro u Caffè Moak Luxol

Tuesday, January 14, 2014, 18:47

ST. JAMES HOSPITAL KNOCK-OUT NISA

minn Colin Schembri

Pavi Depiro 65

Hibs 41

(10-13)(13-6)(24-14)(18-8)

Run deċisiva ta’ 14-0 fit-tielet perjodu wittiet it-triq għac-champions

Crystal Woodley - Hibs

Pavi Depiro fis-semifinali tagħhom kontra Hibs biex għaddew għall-finali. Depiro kienu mingħajr Andrea Mifsud li se tkompli l-istaġun ma’ Starlites fil-waq li għada nieqsa Beverlee Zammit u t-tama ta’ Depiro hi li tirritorna għall-finali tas-Shield il-weekend li ġej. Kienu Hibs li għamlu l-ewwel erba’ punti tal-partita minn Alexis Cutajar u Crystal Woodley. Hawn Depiro kellhom erba’ baskets konsekuttivi, tnejn minn Samantha Brincat flimkien ma’ Antoinette Borg u l-Amerikana Nola Taylor. Hibs reġgħu ħadu l-vantaġġ wara break ta’ 7-0 u żammewh sa’ tmiem it-taqsima wara freethrows minn Joselle Borg Cardona 13-10. Fit-tieni perjodu Depiro bdew bi tlett baskets oħra mingħajr risposta biex reġgħu ħadu l-vantaġġ. Hibs waslu darbtejn sa’ punt ‘l bogħod iżda baskets minn Svetlana Micallef u Taylor raw lil Depiro jidħlu jistrieħu 23-19 minn fuq.

Hibs bdew it-tielet taqsima bi trippla minn Jean Doughty u għal darb’oħra naqqsu d-distakk għal punt 24-25. Hawn però waslet ir-run deċisiva tac-champions li rathom jiftħu vantaġġ komdu ta’ 15 –il punt 39-24. Huma kellhom diversi punti ta’ Borg flimkien ma’ Taylor u Gaby Mifsud u minkejja li Hibs kisbu erba’ punti minn Woodley, Depiro komplew bi break ieħor ta’ 6-0 u temmew it-taqsima 47-33 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni Depiro bdew bit-three pointer minn Mifsud bil-Hibs ukoll iwieġbu bi trippla minn Nadia Mifsud. Wara xi ħin mingħajr punti, kien hemm il-freethrows fuq kull naħa qabel ma Mifsud għamlet trippla oħra. Il-partita baqgħet f’idejn Depiro li baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem biex ħarġu rebbieħa 65-41.

Pavi Depiro: D. Sammut, G. Mifsud 11, S. Brincat 14, M. Bonett, M. Scicluna 5, M. Mifsud, A. Borg 14, N. Taylor 10, N. Donoghue, S. Micallef 6, T. De Martino 5.

Hibs: E. Micallef 4, E. Cassar 4, J. Doughty 9, R. Scerri, F. Mifsud,  I. Agius, L. Micallef, A. Cutajar 2, N. Mifsud 3, C. Woodley 17,J. Borg Cardona 2, B. Sultana.

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani

Honey Athleta 46

Caffè Moak Luxol 57

(10-20)(5-16)(16-9)(15-12)

F’partita bejn iż-żewġ timijiet li jinsabu fl-ewwel żewġ postijiet tal-kampjonat, Caffè Moak Luxol għelbu lil Honey Athleta 57-46 biex issa jiltaqgħu kontra Pavi Depiro fil-finali. Athleta  żiedu lil Denise Said Hollier fl-iskwadra tagħhom fil-waq li għal Luxol irritornat Greta Zarb. Athleta marru minn fuq 6-2 wara l-ewwel tlett minuti bil-punti minn Emma Moore, Ijeoma Ofomata u Leanne Sciberras. Hawn Luxol wieġbu bi tlett three pointers minn Sarah Pace, Mandi Mercieca u Steffi De Martino. Huma komplew b’run oħra ta’ 9-2 bi trippla oħra minn Pace u temmew il-perjodu b’vantaġġ doppju 20-10. Fit-tieni perjodu Athleta kellhom l-isfortuna li jitilfu lil Emma Moore b’injury  u f’din is-sessjoni kellhom biss basket u 3 free-throws. Luxol kellhom run ta’ 12-0 bil-punti tal-Amerikana Patricia Bright flimkien ma’ De Martino u Mercieca u fl-intervall kienu 36-15 minn fuq.

Luxol bdew it-tielet taqsima bit-tielet trippla ta’ Pace u basket ta’ De Martino u l-vantaġġ kiber għal 26 punt 41-15. Hawn iżda Athleta ġew f’tagħhom u għamlu run ta’ 14-0 b’baskets ta’ Ofomata u Sciberras biex naqqsu d-distakk għal 12 –il punt 29-41. Basket ta’ Mercieca waqqfilhom din ir-run biex is-sessjoni ntemmet bl-istess distakk bil-Luxol fuq quddiem 45-31. Fil-ftuħ tal-aħħar taqsima Athleta tħabtu biex jerġgħu jidħlu fil-partita bil-punti jkomplu jaslu minn Ofomata u Sciberras. Luxol iżda żammew il-kontroll tant li l-aktar li Athleta waslu viċin kien disa’ punti 37-48. Lejn it-tmiem Luxol kellhom ukoll il-punti ta’ Kirsten Baldacchino flimkien ma’ De Martino biex Athleta għalqu l-partita bil-freethrows ta’ Sciberras biex Luxol ħarġu rebbieħa 57-46.

Honey Athleta: E. Moore 2, M. C. Cilia, J. Xuereb, L. Cassar 3, L. Sciberras 15, . Said Hollier, I. Ofamata 22, E. Vella, R. Sciberras, F. Farrugia 2, S.J. Barbara, C. Mifsud 2.

Caffè Moak Luxol: S.Pace 10, M. Mercieca 15, I. Medina, B. Naudi, P. Ellul, K. Portelli, S. De Martino 11, K. Baldacchino 2, P. Bright 19, M. Darmanin, C. Curmi.

Referees: Teemu Helenius, Clive Terribile





Leave a comment