- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Finali bejn Mellieħa u Hibernians

Posted By sportinmalta1 On February 24, 2020 @ 9:37 pm In Basketball,Featured | No Comments

Bank of Valletta Knock-out Irġiel 2 Diviżjoni

minn Colin Schembri

Mellieħa Libertas 72

Fusion 61

(23-14)(12-13)(12-17)(25-17)

Mellieħa Libertas saru l-ewwel finalisti tal-BOV Knock-out wara rebħa sofferta fuq Fusion 72-61. Fusion ħassew in-nuqqas ta’ Alex Veselinovic hekk kif il-piż kollhu tal-attakk waqa’ fuq Nikola Bozovic li spiċċa l-partita bi 32 punt. Mellieħa kellhom diversi trippli li pattew għas-saħħa ta’ Fusion taħt il-boards u rnexxielhom iżommu sod sat-tmiem minkejja li kellhom ukoll problemi ta’ fouls. Wara trippla fuq kull naħa, Mellieħa bdew iżidu l-vantaġġ bil-punti ta’ Alex Perunicic u żewġ trippli ta’ Nenad Stojanovski. Fusion wieġbu permezz ta’ Antonio Ivankovic u Bozovic għamel trippla però Mellieħa temmew l-ewwel taqsima 23-14 minn fuq. Fil-ftuħ tat-tieni perjodu, Mellieħa bdew bi three pointer ta’ Robert Loporto qabel ma sofrew run ta’ 9-0 minn Fusion kważi kollha minn Bozovic għal skor ta’ 26-23. Mellieħa rkupraw b’seba’ punti mingħajr risposta u għalkemm Fusion kellhom aktar punti minn Bozovic, Mellieħa daħlu jistrieħu 35-27 minn fuq.

Wara l-intervall Fusion waslu sa’ basket ‘l bogħod wara trippla minn Petar Ilic u l-punti ta’ Bozovic u Antonio Ivankovic. Mellieħa kellhom il-punti ta’ Ricardo Costa biex reġgħu kabbru l-vantaġġ però Bozovic u Nebiosa Komienic għamlu l-aħħar punti ta’ Fusion għal skor ta’ 47-44. Fl-aħħar taqsima Mellieħa bdew bit-trippli ta’ Costa u Stejanovski u reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 8 punti 55-48. Bozovic kompla jitħabat għal Fusion però kull darba li resqu viċin sabu lil Mellieħa bit-trippli din id-darba minn Anthony Schembri flimkien ma’ punti minn Christian Briffa u Stojanovski biex ħarġu rebbieħa 72-61.

Mellieħa: A. Perunicic 16, N. Stojanovski 16

Fusion: N. Bozovic 32

Gżira Athleta 79

Hibernians 88

(19-26)(25-17)(22-20)(13-25)

Fit-tieni sem-finali Hibs għelbu lil Gżira Athleta 88-79 f’partita li faċilment tista’ tikkumpara ma waħda tal-ewwel diviżjoni. Wara li Athleta ppreżentaw lil Kwame Thompson ġimgħa ilhu, r-risposta ta’ Hibs kienet ir-ritorn għal-logħob ta’ Chad Patus li se jilgħab magħhom fit-tieni diviżjoni. Dawn iż-żewġ players għollew il-livell tal-partita minkejja n-nuqqas ta’ players fuq kull naħa bħal Alex Novakovic u Kieron Caruana. Athleta marru 9-2 minn fuq fl-ewwel minuti tal-partita bi trippla ta’ Karolis Vitonis. Hibs kellhom risposta minn Isaac Bonett u Patus u trippli ta’ Paul Attard poġġewhom fuq quddiem. Athleta wieġbu permezz ta’ Thompson però trippla stupenda ta’ Patus minn naħa l-oħra tal-court rat lil Hibs itemmu l-ewwel sessjoni 26-19 minn fuq. Fit-tieni perjodu Hibs kabbru l-vantaġġ għall 11 -il punt wara trippli minn Luke Farrugia u Patus. Athleta ġew lura u għamlu run ta’ 10-0 bejn Thompson u Nicolo Guida. Wara risposta oħra minn Hibs, Athleta kellhom seba’ punti mingħajr risposta biex daħlu jistrieħu 44-43 minn fuq.

Fit-tielet taqsima, Athleta kabbru l-vantaġġ bil-punti ta’ Thompson li kellhu trippla però Hibs baqgħu viċin wara punti minn Kurt Sultana, Patus u trippla ta’ Farrugia. Fl-aħħar perjodu l-partita nqalbet favur il-Pawlisti minkejja lil kienu Athleta li bdew l-aħjar u trippla minn Ivan Cascione u baskets ta’ Thompson u Victor Capkamovski poġġewhom 75-68 minn fuq. Hawn Hibs għamlu break deċisiv ta’ 17-2 bi trippla ta’ Attard u flimkien ma’ punti minn Patus u Bonett. Athleta ma kienx fadlilhom ħin jirkupraw biex Hibs ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 88-79.

Athleta: K. Thompson 43, V. Capkamovski 14

Hibs: C. Patus 31, L. Farrugia 18

 


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/finali-bejn-mellieha-u-hibernians-2/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.