Finali bejn Honey Athleta u Caffè Moak Luxol

Wednesday, April 2, 2014, 17:33

KAMPJONAT ST. JAMES HOSPITAL NISA – PLAY-OFFS

minn Colin Schembri

Hibs 58

Honey Athleta 67

(3-15)(26-13)(18-17)(11-22)

Honey Athleta kisbu l-ewwel post fil-finali tal-kampjonat St. James Hospital tan-nisa meta għelbu lil Hibs 67-58. Għal darb’oħra l-partita reġgħat ġiet deċiża lejn it-tmiem fejn anqas minn żewġ minuti għat-tmiem basket biss kien jifred liż-żewġ timijiet. Hibs kellhom bidu diffiċli u ta’ dan pattew qares għaliex l-isforz li għamlu speċjalment fit-tieni perjodu ma kienx biżżejjed. Fil-fatt fl-ewwel tmien minuti tal-ewwel sessjoni Hibs għamlu biss punt wieħed għat-tlettax li għamlu Athleta minn Ijeoma Ofomata, Leanne Sciberras u Emma Moore. Fid-disa’ minuta wasal l-ewwel basket ta’ Hibs minn Crystal Woodley u Athleta għalqu b’żewġ free-throws ta’ Lonneke Cassar għal skor ta’ 15-3. Fit-tieni perjodu Athleta kabbru l-vantaġġ b’iktar punti ta’ Cassar 19-5. Hawn Hibs tejjbu l-logħba tagħhom u bdew jaslu wkoll il-punti minn Alexis Cutajar u Elena Cassar biex naqqsu d-distakk. Athleta ħallew f’idejn Ofomata biex jagħmlu l-punti tagħhom però Hibs kellhom il-baskets ta’ Joselle Borg Cardona u Woodley. Wara trippla ta’ Sciberras għall-Athleta, Hibs komplew b’run oħra ta’ 8-0 biex daħlu jistrieħu punt minn fuq 29-28.

Fit-tielet taqsima kienu Hibs li kellhom l-aħjar bidu u kabbru l-vantaġġ wara trippla ta’ Woodley u basket ieħor minn Borg Cardona. Iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin b’Ofomata u Denise Said Hollier jagħmlu l-punti tal-Athleta b’Woodley, Cutajar u Cassar jirrispondu għal Hibs. Sciberras kellha trippla għall-Athleta però kienu Hibs li temmew is-sessjoni 47-45 minn fuq. Sar-raba minuta tal-aħħar sessjoni kien għad hemm parita 49-49 u hawn Hibs tilfu lil Alexis Cutajar b’injury/ Ofomata għamlet seba’ punti oħra iżda Woodley ukoll irrispondiet għal Hibs b’basket u trippla u naqqset id-distakk għal basket 54-56. Athleta kellhom break qasir iżda mportanti ta’ 6-0 b’żewġ baskets ta’ Cassar u ieħor minn Ofomata u setgħu jikkontrollaw l-aħħar sekondi li kien għad fadal u rebħu l-partita 67-58 u waslu sal-finali.

Hibs: E. Micallef, E. Cassar 8, J. Doughty 2, R. Scerri, N. Farrugia, J. Scerri, L. Micallef, A. Cutajar 7, N. Mifsud 2, C. Woodley 26, J. Borg Cardona 13, I. Agius.

Honey Athleta:E. Moore 2, M.C. Cilia, J. Xuereb, L. Cassar 13, L. Sciberras 9, D. Said Hollier 6, I. Ofamata 35, E. Vella, A. Demanuele, F. Farrugia, S.J. Barbara 2, C. Mifsud.

Referees: Gordon Barbara, Clive Terribile.

Pavi Depiro 51

Caffè Moak Luxol 60

(18-11)(6-14)(10-21)(17-14)

Caffè Moak Luxol għelbu lil Pavi Depiro 60-51 biex huma wkoll kisbu t-tieni rebħa fil-play-offs u għaddew għall-finali kontra Honey Athleta biex b’hekk se jkollna champions ġodda dan l-istaġun. Depiro kienu 10 minn fuq f’nofs it-tieni sessjoni però Luxol ma ċedewx. L-ewwel sessjoni kienet bilanċjata u sas-sitt minuta Luxol kienu 5-4 minn fuq wara żewġ baskets ta’ Patricia Bright. Depiro kellhom il-punti ta’ Nola Taylor u t-three pointers ta’ Gaby Mifsud biex fl-ewwel sessjoni kienu 18-11 minn fuq. Fit-tieni taqsima, Luxol bdew bi trippla ta’ Sarah Pace li ħadet sehem f’din il-partita però Luxol kellhom aktar punti ta’ Taylor u trippla ta’ Antoinette Borg. Dawn iżda kienu l-aħħar punti ta’ Depiro fit-taqsima u minn hemm ‘l quddiem kien hemm biss punti ta’ Luxol. Luxol kellhom il-baskets ta’ Bright, Paula Ellul u Steffi De Martino f’run ta’ 11-0 biex daħlu jistrieħu punt minn fuq 25-24.

Luxol komplew b’run oħra ta’ 10-0 fil-ftuħ tat-tielet sessjoni bid-Depiro f’diffikulta biex jagħmlu l-punti. Wara trippla ta’ Greta Costa għal Luxol, Depiro wieġbu minn Samantha Brincat li kellha trippla u kellhom oħra minn Mifsud bil-Luxol jagħlqu bil-punti ta’ De Martino għal skor ta’ 46-34. Fl-aħħar sessjoni Luxol kienu għadhom 13 minn fuq 49-36 fit-tielet minuta. Hawn Depiro għamlu l-aħħar sforz fit-tentattiv tagħhom tagħhom li jsalvaw il-partita u s-serje u għamlu break ta’ 10-2 biex naqqsu d-distakk għal seba’ punti 44-51. Hawn kien hemm trippla fuq kull naħa minn Costa u Brincat u Depiro baqgħu viċin. Luxol kellhom il-free-throws ta’ Pace u Costa biex serrħu rashom mir-riżultat u rebħu l-partia 60-51.

Pavi Depiro: G. Mifsud 9, D. Sammut, S. Brincat 8, M. Bonett 4, M. Mifsud, A. Borg 3, N. Taylor 23, S. Micallef 2, B. Zammit 2.

Caffè Moak Luxol: S. Pace 7, M. Mercieca 2, I. Medina, B. Naudi, P. Ellul 2, G. Costa 16, K. Portelli, S. De Martino 16, K. Baldacchino, P. Bright 17, M. Darmanin, C. Curmi.

Referees: Emanuel Mangani, Clive Terribile

Programm tal-Finali:

13-04-2014: 14:45 – Honey Athleta vs Caffè Moak Luxol

16-04-2014: 18:30 – Caffè Moak Luxol vs  Honey Athleta

23-04-2014: 18:30 – Honey Athleta vs Caffè Moak Luxol

27-04-2014: 14:45 – Caffè Moak Luxol vs  Honey Athleta

01-05-2014: 14:45 – Honey Athleta vs Caffè Moak Luxol





Leave a comment