Finali bejn Hibernians u Caffè Moak Luxol

Monday, February 25, 2019, 16:27

St. James Hospital Knock-out Nisa

minn Colin Schembri

Starlites GIG 51

Hibernians 55

(12-10)(12-15)(16-15)(11-15)

Hibs saru l-ewwel finalisti tas-St. James Hospital Knock out wara li għelbu lill-isfidanti ewlenin tagħhom dan l-istaġun, Starlites GIG 55-51 bil-partita jkollha tmiem drammatiku hekk kif kienet deċiża fl-aħħar tlett sekondi. Għal Starlites kien hemm ir-ritorn ta’ Maria Bonett u Samantha Farrugia fil-waqt li għal Hibs ġiet lura Iona Agius. Lejn tmiem l-ewwel taqsima il-captain ta’ Hibs Elena Cassar dehret isoffri injury però daħlet lura b’mod eċċelenti hekk kif kisbet erba’ three pointyers f’ħinjiet kruċjali fil-waqt li Sophie Abela baqgħet għaddeja bil-mument posittiv tagħha. Fl-ewwel minuti kien hemm punti fuq kull naħa għal parita ta’ 4-4 bi Starlites imorru fuq quddiem wara żewġ trippli minn Patricia Arguello u Kirsty Galea. Hibs ġew lura bil-punti ta’ Amelia Simmons iżda Starlites temmew it-taqsima fuq quddiem wara free-throws ta’ Giocelis Reynoso. Fit-tieni taqsima l-logħob baqa’ bilanċjat bil-Hibs ikollhom trippla ta’ Simmons qabel ma Starlites għamlu 5 punti mingħajr risposta kollha minn Arguello. Hibs irrispondew bil-punti ta’ Abela, Sam Brincat u żewġ trippli ta’ Cassar biex kienu huma li daħlu jistrieħu fuq quddiem 25-24.

Fit-tielet sessjoni c-champions kabbru l-vantaġġ wara trippla oħra ta’ Cassar però Starlites ippareġjaw mill-ġdid bil-punti ta’ Arguello u Josephine Grima. Hibs għamlu ħames punti oħra però Starlites għamlu l-istess u wara li trippla ta’ Brincat poġġiethom fuq quddiem, kienet Arguello li għamlet l-iskor indaqs 40-40 u kollox ried jiġi deċiż fl-aħħar taqsima. Hawn kienu Starlites li ħadu l-vantaġġ permezz ta’ Michela Zammit Cordina u Reynoso. Għal darb’oħra Cassar wieġbet bi trippla għal Hibs li komplew iżidu l-vantaġġ għal erba’ punti fl-aħħar minuti bi trippla ta’ Brincat 51-47. Hawn Starlites irkupraw mill-ġdid bil-baskets ta’ Arguello u Grima u kellhom pusess fl-aħħar 27 sekonda. L-aħħar tentattiv ta’ Starlites wasal minn Bonett però l-ballun ma daħalx u kien għad fadal tlett sekondi għat-tmiem. Il-ballun wasal għand Brincat li eżatt mal-horn għamlet it-trippla tar-rebħa biex tefgħet lil sħabha f’dellirju ta’ ferħ hekk kif Hibs rebħu l-partita 55-51.

Starlites: M. Zammit Cordina 2, K. Galea 3, H. Acreman, S. Farrugia 2, M. Bonett 2, G. Reynoso 6, C. Curmi 4, J. Grima 8, P. Arguello 22, M. Cutajar, S. Davies 2, A.Lupo.

 

Hibs: E. Micallef 2, E. Cassar 12, B. Agius, S. Brincat 12, I. Agius, J. Abela, S. Abela 14, A. Simmons 15, N. Farrugia, H. Al Tumi, K. Caruana, L. Duncan.

Referees:  Zvezdan Dobrosaviljevic, Christine Xuereb, Daniella Torok.

Depiro 41

Caffè Moak Luxol 75

(4-19)(5-22)(11-17)(21-17)

Caffè Moak Luxol ingħaqdu ma’ Hibs fil-finali wara li għelbu lil Depiro 75-41

Ritratt: Wally Galea

fejn sal-intervall il-partita kienet diġa deċiża bit-team ta’ Depiro jkollhom diffikulta biex jagħmlu l-punti bil-Luxol jidħlu jistrieħu 41-9 minn fuq. Luxol marru 7-2 minn fuq wara żewġ trippli ta’ Sarah Pace. Depiro għamlu biss 4 free-throws f’din it-taqsima u Luxol komplew bi break ta’ 12-0 fejn kien hemm il-punti ta’ kontinwi ta’ Sharon Vella flimkien mal-Amerikana Alexis Dillard u trippla ta’ Ina Baena għal skor ta’ 19-4. Fit-tieni perjodu, Luxol komplew bi 11 –il punt mingħajr risposta bi trippla oħra ta’ Baena. Basket ta’ Steffi De Martino waqqfilhom din ir-run iżda Luxol komplew b’seba’ punti oħra qabel ma Gaby Mifsud għamlet trippla għal Depiro. Qabel l-intervall kien hemm 4 punti oħra ta’ Luxol minn Sarah Pace u Dillard għal skor ta’ 41-9.

Fit-tielet sessjoni, l-logħob kien aktar maqsum għalkemm Luxol komplew ikabbru l-vantaġġ b’aktar three pointers din id-darba minn Antoinette Borg. Il-ħdax –il punt ta’ Depiro nqasmu bejn Mifsud u Claire Ciantar fil-waqt li Luxol kellhom aktar punti minn Dillard flimkien ma’ Noelene Vella għal skor ta’ 58-20. Fl-aħħar perjodu, De Martino fetħet bil-punti għal Depiro li komplew jaqsmu l-logħob mal-avversarji hekk kif Luxol serrħu lil Dillard u kellhom diversi players ta’ fuq il-bank. Kien hemm ħin għal żewġ trippli ta’ Mifsud u oħra ta’ De Martino għal Depiro li għamlu l-iskor iktar rispettabli hekk kif Luxol ħadu r-rebħa 75-41.

Depiro: No. Agius, Ni. Agius 6, G. Mifsud 16, S. De Martino 13, D. Said Hollier, M. Scicluna, N. Hili, C. Ciantar 6, A. Mifsud, E. Cassar.

 

Caffè Moak Luxol: S. Pace 11, Ni. Vella 4, I. Baena 15,  No. Vella 2, S. Vella 10, K. Portelli 2, A. Borg 8, P. Ellul 2, M. Caruana 3, C. Mifsud 5, A. Dillard 13.

Referees:  Tuomas Mantere, Kamil Dworniczak, Brian Sly





Leave a comment