Finali bejn Gżira Athleta u Floriana MCP Car Parks

Monday, October 31, 2016, 18:10

St. James Hospital Shield Irġiel

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 83

Cynergi Depiro 53

(18-16)(29-9)(13-14)(23-14)

Gżira Athleta kisbu post fil-finali tas-St. James Hospital Shield wara li għelbi lil Cynergi Depiro 83-53. In-nuqqas ta’ David Bugeja għad-Depiro inħass sew hekk kif Athleta kienu bil-formazzjoni tipika tagħhom. Wara l-ewwel basket ta’ Depiro minn Robert Bonnici, Athleta wieġbu bi 8 punti mingħajr risposta. Depiro kellhom il-punti ta’ Timothy Zammit u Dominic Scafidi però Athleta baqgħu fuq quddiem sa’ tmiem is-sessjoni 18-16. It-tieni perjodu fetaħ bit-three pointers tal-Athleta minn David Camilleri u Roderick Vella flimkien mal-baskets ta’ Michael Naudi. Depiro wkoll kellhom trippla minn Andrew Aquilina qabel ma Athleta żiedu l-vantaġġ bil-punti tal-Amerikan Josiah Whitehead u three pointers minn Peter Shoults u Camilleri biex daħlu jistrieħu 47-25 minn fuq.

Wara l-intervall, Athleta żammew l-istess ritmu fejn bdew bi break ta’ 9-0 bi trippla oħra ta’ Camilleri. Scafidi wieġeb bi trippla għal Depiro bl-Athleta jkollhom, il-punti ta’ Naudi u Whitehead. Depiro għalqu s-sessjoni bl-aħjar mod meta għamlu run ta’ 11-0 bi trippli ta’ Bonnici u Samuel Zammit però xorta kienu għadhom 21 punt minn taħt 60-39. Fl-aħħar taqsima l-logħba baqgħet f’idejn l- Athleta li kellhom aktar three pointers minn Camilleri u Shoults bil-coach Joe Galea jdaħħal jilgħabu ż-żgħażagħ ta’ fuq il-bank. Madankollu, huma xorta baqgħu fil-kontroll tal-partita u ħarġu rebbieħa 83-53.

Gżira Athleta: M. Naudi 16, R. Vella 8, D. Camilleri 24, L. Stefanovic, P. Shoults 10, F. Mifsud Bonnici, B. Zammit 6, S. Vincic 2, M. G. Montaldo, J. Whitehead 17.

Cynergi Depiro: J. Attard, N. Grech, R. Bonnici 14, D. Schembri, A. Aquilina 5, S. Zammit 7, T. Zammit, M. Mallia, A. Querios 4, K. Xuereb 6, M. Borg, D. Scafidi 17.

Referees: Bernard Vassallo, Igor Marjanovic, Christine Farrugia.

Bupa Luxol 56

Floriana MCP Car Parks 68

(8-14)(25-18)(9-22)(14-14)

Run ta’ 17-2 fit-tielet sessjoni kienet deċisiva għal Floriana MCP Car Parks li għelbu lil Bupa Luxol 68-56 biex kisbu t-tieni post fil-finali. Sa dak il-ħin, Luxol li ssaħħew bl-introduzzjoni ta’ William Ahlberg bħala l-barrani lokali tagħhom, kienu 40-37 minn fuq. Kienu Floriana li ħadu l-ewwel vantaġġ bil-punti ta’ Nikola Vasovic u Nikola Vasovic. Luxol kellhom it-three pointers minn Pierce Cumpstone u CJ Cordina però Floriana temmew l-ewwel taqsima 14-8 minn fuq. Fit-tieni perjodu Luxol resqu viċin bil-punti ta’ Ahlberg però Floriana wieġbu b’aktar punti minn Vasovic flimkien ma’ Chad Patus biex reġgħu marru 8 minn fuq 27-19. Luxol kellhom run ta’ 11-2 primarjament minn Ahlberg u Cumpstone u rnexxielhom jieħdu vantaġġ ta’ punt li żammewh sal-intervall 33-32.

Fit-tielet taqsima ż-żewġ timijiet fetħu bi trippla kull wieħed biex Luxol żammew il-vantaġġ wara basket minn Ahlberg. Hawn wasal il-mument deċisiv minn Floriana bi tlett three pointers minn Patus u Shawn Pace flimkien ma’ Dirk Schembri u Vasovic b’dan tal-aħħar ukoll jagħmel trippla biex Floriana fetħu vantaġġ ta’ 12 –il punt 54-42. Fl-aħħar taqsoma Luxol tħabtu biex jersqu viċin speċjalment wara żewġ trippli ta’ CJ Cordina. Huma però tilfu lil Cumpstone bil-ħames foul biex Floriana setgħu jikkontrollaw l-isforzi tagħhom u jerbħu l-partita 68-56.

Bupa Luxol: CJ Cordina 9, M. Mercieca 3, J. Willoughby 2, D. Meli, J. Maistre Melillo, K. Dimech 3, W. Ahlberg 23, P. Cumpstone 14, S. Cappello 2.

Floriana MCP Car Parks: C. Patus 20, S. Pace 6, D. Schembri 8, S. Borg, N. Vasovic 20, C. Calleja 4, A. Axiaq 10, N. Andrejevic.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Stephen Micallef

FINALI: Il-Ħadd 6 ta’ Novembru fl-16:30

Gżira Athletha vs Floriana MCP Car Parks





Leave a comment